Lokali

“Il-ħajja m’għandix tkun għażla” – Life Network Foundation

“Il-ħajja m’għandhiex tkun għażla.”

Din kienet l-għajta li dwiet mal-Belt Valletta minn mijiet li attendew mixja favur il-ħajja li saret minn Life Support Network il-Ħadd waranofsinhar.

Ic-chairperson tal-għaqda, Miriam Xiberras qalet li jekk il-liġi ta’ pajjiżna tibqa’ kif inhi, jiġifieri ma tippermettix l-abort, din tkun qed issalva l-eluf ta’ ħajjiet innoċenti. Hi ammettiet li l-aħbar ta’ tqala kapaċi tkun waħda li ġġib toqol kbir magħha iżda saħqet li l-qerda ta’ tarbija fil-ġuf qatt mhi soluzzjoni.

Miriam Xiberras saħqet li l-awtoritajiet Maltin, minflok jiffukaw li pajjiżna jdaħħal l-abbort, għandhom jassistu u jassiguraw li kull persuna jkollha d-drittijiet kollha biex b’hekk l-ebda persuna ma tispiċċa jkollha tagħżel bejn ħajja u mewt.

Saru wkoll numru ta’ interventi minn persuni li esperjenzaw l-abort. L-ewwel persuna kienet Rachel Mackenzie fejn qalet li meta għamlet abort kienet ċerta li se tħossha aħjar iżda minflok spiċċat tħossha agħar, tant li tqisu bħala l-ikbar dispjaċir ta’ ħajjitha.

Sar ukoll intervent minn Anthony Levantino, tabib li fil-passat għamel eluf ta’ aborti, iżda wara l-mewt ta’ bintu beda jara l-abort f’dawl differenti tant li waqaf jagħmlu. Dan hekk kif beda jara l-abort bħala qtil ta’ uman. Hu qal li ħafna jaraw l-abort bħala forma ta’ kura iżda hu jarah biss bħala qtil ta’ trabi innoċenti.

Fi tmiem l-attività nxtegħlu x-xemgħat bħala simbolu tal-ħajja filwaqt li ndaqq l-innu Malti.

Ritratti: Joseph Galea