Internazzjonali

Il-Papa jikkundanna t-trattament tal-immigranti fl-Ewropa

Il-Papa Franġisku, fl-aħħar sigħat, ikkundanna ‘is-sens ta’ egoiżmu u s-sentimenti eżaġerati ta’ nazzjonaliżmu’ fil-mod kif l-Ewropa qed titratta mal-immigranti – u wissa li dan kapaċi jwassal ‘għal konsegwenzi diżastrużi’.

Il-Kap tal-Kattoliċi qal hekk waqt iż-żjara li qed jagħmel fil-Greċja u, waqt diskors fuq il-gżira ta’ Lesbos, qal li l-immigranti qed jintużaw għall-propaganda politika.

Filwaqt li ltaqa’ ma’ għexieren ta’ immigranti, il-Papa ħeġġeġ biex il-pajjiżi jikkonċentraw fuq il-kawżi tal-immigrazzjoni, inklużi ‘il-gwerer minsija’, aktar milli ‘jimponu l-pieni fuq il-vittmi li qed iħossu l-effetti tal-gwerra u sitwazzjonijiet oħra ta’ kriżi.’ Fl-istess ħin, il-Papa kritika ‘il-bini tal-ħitan biex iżommu lin-nies ‘il barra (mill-pajjiżi)’ u sostna li hemm ħafna Ewropej li jaħsbu ‘li l-problema ma tikkonċernax lilhom’.

Il-Kap tal-Kattoliċi, fl-istess ħin, qal li faċli biex xi ħadd jinfluwenza l-opinjoni pubblika b’mod li jqanqal il-biża fost il-popli fir-rigward tal-immigranti. Hu semma ċ-ċirkustanzi ta’ ostilità, il-ftehim ekonomiku ‘fejn in-nies iridu jħallsu prezz qalil’ u ċ-ċirkulazzjoni tal-armi bħala fatturi li jwasslu biex eluf kbar jippruvaw ifittxu ħajja aħjar fl-Ewropa.