Ambjent Lokali

L-Arċisqof jagħmel żjara fir-Riserva Naturali tas-Simar

Il-ħarsien tal-ambjent f’Malta permezz tal-immaniġġjar ta’ riservi naturali dalgħodu kien diskuss mal-Arċisqof ta’ Malta waqt żjara li Mons. Charles J Scicluna għamel fir-Riserva Naturali tas-Simar immexxija minn BirdLife Malta. Huwa kien milqugħ fis-Simar mill-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima, il-Kap Eżekuttiv Mark Sultana, il-Head of Land Management Mark Gauci u l-Communication Manager Nathaniel Attard.

Apparti dettalji dwar ir-restawr tas-Simar u l-ħidma ta’ konservazzjoni tan-natura li għamlet l-eNGO mtul is-snin biex tħares u tirrestawra l-ambjent naturali, l-Arċisqof kien interessat ħafna li jisma’ dwar ix-xogħol li twettaq BirdLife Malta fil-qasam tal-ħarsien ambjentali u biex tqajjem kuxjenza favur l-ambjent permezz tad-diversi inizjattivi u programmi li għandha, primarjament fl-oqsma tal-konservazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni.

L-Arċisqof iddawwar mar-riserva fix-Xemxija u kien entużjast ferm josserva l-flora fis-Simar. Hu sab ukoll il-ħin jiltaqa’ ma’ numru ta’ familji bit-tfal li kienu qed iżuru r-riserva l-Ħadd filgħodu. It-tour mas-sit beda fiċ-ċentru tal-viżitaturi fejn Monsinjur Scicluna ltaqa’ mal-voluntieri ta’ BirdLife Malta li kienu xogħol, imbagħad qatta’ ftit ħin fil-birdwatching hide u anke fil-hide tal-bird ringing fejn ingħata spjegazzjoni dwar ir-ringing u l-għanijiet ta’ dan l-istudju xjentifiku. Kien hemm qbil unanimu li n-natura u l-kampanja tagħna jinħtieġu aktar protezzjoni, aktar u aktar għax jibqgħu l-uniku mezz ta’ divertiment, b’aspett soċjali, li fadal b’xejn f’pajjiżna.

Fi tmiem iż-żjara tiegħu, l-Arċisqof Scicluna kien ippreżentat b’kopja tar-Rapport dwar ir-Riservi Naturali ta’ BirdLife Malta u anke l-aħħar pubblikazzjoni ta’ BirdLife Malta – ktieb dwar il-fotografija tal-għasfar xogħol il-fotografu tan-natura Aron Tanti.