Talanqas 13-il persuna huma konfermati bħala mejtin, b’għexieren ta’ nies jispiċċaw midruba fost l-iżbroff ta’ vulkan fuq il-gżira ta’ Java, fl-Indoneżja.
Il-filmati tal-aħħar sigħat kollha wrew dħaħen kbar tal-ġmied telgħin mill-vulkan – f’dan il-każ il-Muntanja Semeru – u meta numru ta’ villaġġi spiċċaw kompletament mgħottija b’mantell ta’ ġmied. L-iżbroff tant kien qawwi li r-residenti tal-inħawi milquta spiċċaw ‘koperti tas-saqaf’ bil-ġmied, bis-servizzi għall-emerġenzi qed ikollhom biċċa xogħol ferm diffiċli biex jilħqu ċerti zoni.
Dan meta bħalissa, għexieren ta’ nies qed ikunu trattati għall-ħruq u ġrieħi oħra li ġarrbu fl-iżbroff. Numru ta’ midruba, intant, jinsabu rikoverati fl-isptarijiet u faċilitajiet mediċi oħra, bis-servizzi ta’ fejda għaddejjin bi ġlieda mal-ħin biex isibu diversi persuni nieqsa.
Sar magħruf li l-iżbroff – li qed jitqies bħala wieħed storiku – ħalla talanqas 11-il villaġġ ‘mgħarrqin fil-ġmied vulkaniku’ fid-distrett ta’ Lumajang.
Intant numru sinifikanti ta’ nies li spiċċaw evakwati miz-zoni ta’ periklu qed jingħataw kenn fil-moskej u fix-xelters tal-inħawi. Dawn ir-resiidenti evakwati jammontaw għall-mijiet ta’ nies – bil-ħidma għall-evakwazzjoni anki qed tkun imfixkla bid-dħaħen kbar li qed iduru fil-viċinanzi u fil-madwar tal-vulkan.
F’din is-sitwazzjoni ta’ kriżi spikka wkoll il-qtugħ tad-dawl għall-villaġġi, bil-maltempati – li seħħew fil-ħin tal-iżbroff – jibdlu l-inħawi f’baħar ta’ tajn.
Uffiċjali lokali qalu li triq prinċipali u pont litteralment ‘tqaċċtu’ waqt l-iżbroff biex b’hekk ingħalaq aċċess importanti mill-belt ta’ Malang ( fil-viċinanzi) sas-zoni ta’ diżastru. Sadanittant, l-iskwadri għall-emerġenzi, fl-aħħar sigħat, irnexxielhom isalvaw numru ta’ nies li kienu spiċċaw iżolati f’numru ta’ bini, b’kaġun tal-iżbroff.
//= $special ?>