Formula 1 Sport

Lewis Hamilton jirbaħ fl-Arabja Sawdija… Punti ndaqs ma’ Verstappen għall-aħħar Grand Prix f’Abu Dhabi

(Ritratt: EPA)

Fi Grand Prix mill-aktar missielta fl-Arabja Sawdija, Lewis Hamilton rebaħ il-Grand Prix inawgurali f’ Jeddah wara taqtiegħa ma’ Max Verstappen ta’ RedBull li temm fit-tieni post. Il-Grand Prix kienet ikkaratterizzata minn diversi inċidenti fosthom bejn l-istess Hamilton u Verstappen, biż-żewġ sewwieqa joffru spettaklu mill-aqwa lid-diversi partitarji li segwew it-tellieqa. B’hekk iż-żewġ sewwieqa jinsabu b’369.5 punt f’ras il-klassifika, bl-aħaħr Grand Prix f’Abu Dhabi tidddeċiedi minn se jirbaħ il-kampjonat għal dan l-istaġun.

Fit-tielet post temm is-sewwieq ta’ Mercedes Valtteri Bottas li rnexxielu jgħaddi b’inqas minn sekonda lil Esteban Ocon, li temm fir-raba’ post. Fil-ħames post daħal Daniel Ricciardo ta’ McLaren segwit minn Pierre Gasly u Charles Leclerc fis-sitt u s-seba’ post rispettivament. Fit-tmien post temm Carlos Sainz ta’ Ferrari, b’Antonio Giovinazzi ta’ Alpha Romeo jtemm fid-disa’ post. Fl-għaxar post temm is-sewwieq ta’ McLaren, l-Ingliż Lando Norris.