Futbol Sport

Man Utd ikomplu fit-triq tar-rebħ taħt il-gwida ta’ Ralf Rangnick

(Ritratt: EPA)

Manchester United kisbu t-tieni rebħa fi spazju ta’ erbat ijiem meta huma, ilbieraħ, għelbu l-isfida denja ta’ Crystal Palace, 1-0, f’Old Trafford. B’hekk, r-Red Devils deħlin għall-programm tal-Milied b’aktar ottimiżmu – b’din ir-rebħa tasal ukoll fid-debutt ta’ Ralf Rangnick bħala l-manager proviżorju ta’ Man Utd u li qed jieħu r-riedni tat-tim mingħand Michael Carrick li rriżenja dritt wara l-logħba tal-Ħamis ma’ Arsenal – li United rebħu bl-iskor ta’ 3-2. United fetħu aggressivi u urew logħob sabiħ u attraenti huma u jfittxu l-ewwel gowl iżda sabu lil Palace organizzati u attenti, bil-plejers ta’ Patrick Vieira jagħlqu l-ispazji għall-attakkanti perikolużi tar-Red Devils.

Madankollu, United xorta bdew joħolqu diversi ċansijiet ta’ skor – waqt li Palace, li kienu rebħu f’Old Trafford fl-aħħar żewġ staġuni — bdew joperaw bil-kontra-attakki veloċi; b’United jieħdu kmand f’nofs il-ground tul l-ewwel 45 minuta.
Fit-tieni taqsima, Palace ħarġu mill-qoxra difensiva u bdew jaqsmu l-logħba ma’ United – iżda fis-77 minuta wasal il-mument deċiżiv meta FRED, il-midfielder Brażiljan tar-Red Devils, irċieva mingħand is-sostitut Greenwood u poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ b’xutt bid-dawwra għar-rokna; bil-gowlkiper Guaita megħlub għal kollox. Wara l-gowl, Palace għamlu minn kollox biex isalvaw ir-riżultat iżda United għarrfu jikkontrollaw ir-riżultat għal ‘clean sheet’ rari u għal rebħa utli ħafna. Intant, ir-rebħa tfisser li Rangnick kiseb l-istess suċċess ta’ tlieta min fost l-erba’ managers preċedenti ta’ United wara l-era ta’ Sir Alex Ferguson u li kollha rebħu l-ewwel logħba tagħhom bħala l-managers ta’ dan it-tim.

Tottenham Hotspur għelbu lil Norwich City, 3-0, fin-New White Hart Lane bi Spurs jirreġistraw it-tielet rebħa konsekuttiva fil-Premier League taħt il-manager Antonio Conte. Intant, ir-riżultat ħalla lil Norwich ankrati f’qigħ il-klassifika u jidher li l-Canaries huma kważi rassenjati għal ritorn malajr f’The Championship minkejja li l-istaġun għadu bikri L-ewwel gowl ta’ Spurs wasal minn Lucas MOURA wara biss għaxar minuti u li sab ir-rokna ta’ fuq tax-xibka wara one-two ma’ Son Heung-min. Fit-tieni taqsima Davinson SANCHEZ (67) irdoppja għal Spurs b’xutt qawwi fuq azzjoni ta’ korner waqt li SON HEUNG-MIN Heung-min, għaxar minuti wara, għeleb mill-ġdid lil Tim Krul għat-3-0 finali.

Leeds United salvaw draw ‘in-extremis’ ma’ Brentford meta s-sostitut, Patrick Bamford, sab ix-xibka fil-95 minuta għal riżultat ta’ 2-2 f’Elland Road. B’dan id-draw, Leeds jinsabu l-erbatax fil-klassifika tal-Premier b’sittax-il punt u fejn qed jidhru aktar trankwilli minn ftit tal-ġimgħat ilu meta huma kienu qed jissieltu biex joħorġu miz-zona l-ħamra. Il-Yorkshiremen kienu marru fil-vantaġġ minn Tyler ROBERTS (27) , bil-Bees idawwru r-riżultat fit-tieni taqsima b’gowls ta’ BAPTISTE (54) u CANOS (61). Iżda l-aħħar kelma kienet ta’ BAMFORD li daħal jilgħab fis-67 minuta minflok Firpo u li fil-ħames minuta tal-ħin miżjud spara ġewwa mill-viċin fuq l-assist ta’ Ayling biex salva punt għat-tim tiegħu.

Ezri KONSA skorja darbtejn għal Aston Villa li rkupraw tajjeb minn żvantaġġ bikri f’Villa Park kontra Leicester City. B’hekk il-Villains irritornaw fit-triq tar-rebħ wara li kienu tilfu kontra Manchester City ftit tal-jiem ilu u minkejja li Harvey BARNES fetaħ l-iskor għall-Foxes wara 14-il minuta. Il-vantaġġ dam biss għal tliet minuti, b’Konsa jagħmilhom 1-1 fuq l-assist ta’ Buendia u bl-istess plejer jiskorja l-gowl deċiżiv fit-tieni taqsima biex jaċċerta mit-tielet rebħa mill-aħħar erba’ logħbiet għal Villa kemm ilhom taħt il-manager Steven Gerrard.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ: West Ham v Chelsea 3-2, Newcastle v Burnley 1-0, Wolves v Liverpool 0-1, Southampton v Brighton 1-1
Watford v Man City 1-3, Illum: Leeds v Brentford 2-2, Man Utd v C’Palace 1-0, Tottenham v Norwich 3-0
Aston Villa v Leicester 2-1 Għada: Everton v Arsenal 9.00pm