Lokali Saħħa

Rapporti jindikaw li l-Kabinett kien jaf bil-klawsola ta’ €100m li għamel Konrad Mizzi ma’ Steward

Rapporti fis-Sunday Times of Malta jindikaw li Konrad Mizzi kien kiseb l-approvazzjoni tal-Kabinett kollu biex jiffirma ftehim minn wara dahar il-poplu Malti. Klawsola li tgħid li anke jekk Steward Healthcare jitilqu mid-deal tal-isptarijiet minn jgħeddhom, aħna rridu nħallsuhom €100 miljun. Skont dan il-fethim, jekk jieqaf il-kuntratt ma’ Steward għal kwalunkwe raġuni, din is-somma trid titħallas lil barranin.

L-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi kien akkużat li ffirma dan il-ftehim fl-2019 minn wara dahar il-ministri sħabu iżda l-minuti tal-kabinett li kienu deskritti lit-Times minn diversi sorsi, jindikaw li Mizzi ta deskrizzjoni verbali lil sħabu u wara talab approvazzjoni għad-deal tal-€100 miljun. L-approvazzjoni ngħatat waqt l-istess laqgħa tal-Kabinett. Żewġ sorsi għolja fil-Partit Laburista qalu li approvaw dak li kellu f’moħħu Mizzi mingħajr ma kellhom dettalji preċiżi. Skont il-minuti tal-laqgħa tal-Kabinett li kiseb it-Times of Malta, il-laqgħa saret fis-27 ta’ Awwissu tal-2019 u l-ftehim kien iffirmat fl-istess ġurnata war al-istess laqgħa.

Il-minuti tal-Kabinett jindikaw li l-ftehim tfassal wara taħditiet mill-Ministeru tat-turiżmu li dak iż-żmien kien immexxi minn Konrad Mizzi, mal-Ministeru tal-finanzi, il-Bank Of Valletta u “terzi persuni”. Dan is-suġġett kien diskuss fl-aħħar tal-laqgħa tal-Kabinett.

Dawn l-aħħar dettalji xokkanti dwar id-deal skandaluż tal-isptarijiet jitfgħu dell ikraħ fuq dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar ġimgħat. Abela, li fl-2019 kien konsulent ta’ Joseph Muscat, u li ftaħar li kien jattendi għal-laqgħat tal-Kabinett, fl-aħħar jiem qalilna li sar jaf b’dan id-deal tal-€100 miljun wara li kien iffirmat. L-aħbar tal-lum, jekk vera, tfisser li Robert Abela għal xi raġuni għażel li ma jgħidx il-verità meta mistoqsi mill-media x’pariri kien ta’ lil Joseph Muscat dwar dan id-deal.

Interessanti wieħed ifakkar ukoll li kemm l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kif ukoll is-Segretarju Permanenti tal-ministeru, Alfred Camilleri taħt ġurament fil-Qorti ċaħdu li kellhom għarfien minn qabel dwar il-ftehim tal-€100 miljun. Il-Ministru tas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne, fil-Qorti wkoll ċaħad li kien jaf b’dan id-deal pero mistoqsi mit-Times biex jikkummenta dwar il-laqgħa tal-Kabinett, Fearne qal li ma jistax jiddiskuti dak li jkun ġara fil-Kabinett.