Futbol Sport

Rebħa ferm importanti għal Senglea

Chris Cassar

SENGLEA A. …………………….. 1

LUQA SA ………………………… 0

Senglea A: J. Pisani, M. Ablett, E. Tawiah, B. Schembri, A. Tenorio, R. Dalli, O. Magro, N. Grech, K. Vella, M. De Lucena, B. Antignolo.

Luqa SA: P. Villar Flores, V. Olowoyo, J. Vella, S. Grech, M. Farrugia, M. Dominicius, A. Camilleri, K. Degiorgio, F. Lufi, D. Grima, J. Etim.

Referee: Slobodan Petrovic

Senglea kisbu rebħa prezzjuża f’konfront dirett bejn tnejn minn erba’ timijiet li jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika. Kient logħba bilanċjata u missielta u bi ftit ċansijiet ta’ skor, logħba li kienet deċiża b’gowl skorjat ftit minuti qabel intemmet l-ewwel taqsima.

Din ir-rebħa żżid it-tamiet ta’ Senglea li issa għandhom disa’ punti fil-klassifika filwaqt li għal Luqa din kienet it-tielet telfa konsekuttiva u jridu verament juru titjib u iktar konkretezza taħt il-lasta jekk iridu jċommu posthom.

Kien hemm bilanċ bejn iż-żewġ naħat fl-ewwel taqsima, anki jekk Senglea kellhom iktar pussess ta’ ballun u iktar supremazija territorjali. L-iktar li resqu qrib Senglea kien fit-23 minuta meta xutt bomba ta’ De Lucena stampa mal-mimduda.

Sitt minuti wara Tenorio kellu xutt bid-dawra jmur barra u fit-38 minuta kien Ryan Dalli li resaq qrib bi freekick li mar ftit barra. Fil-41 minuta Senglea marru fil-vantaġġ meta kross shot mix-xellug ta’ Neil Grech qarraq b’kulħadd inkluż il-goalkeeper ta’ LuqaVillar Flores, bil-ballun jaħbat mal-lasta qabel spiċċa fix-xibka

Fit-tieni taqsima Luqa ħarġu iktar aggressivi jfittxu l-gowl tad-draw iżda fis-57 minuta kienu Senglea li resqu qrib b’xutt mill-viċin ta’ Keith Vella li kien salvat minn Flores. Fl-74 minuta xutt sabiħ ta’ Degiorgio u save mill-aqwa tal-goalkeeper ta’ Senglea.