Futbol Sport

Rebħiet għal Juventus, Lazio u Fiorentina

(Ritratt: EPA)

Fl-Allianz Stadium Juventus kisbu rebħa mportanti ta’ 2-0 kontra Genoa biex saħħew posthom fil-ħames post tal-klassifika. Juventus marru fil-vantaġġ fid-9 minuta meta kien Juan Cuadrado li skorja direttament minn corner għal 1-0. Huma kellhom jistennew sat-82 minuta biex iserrħu rashom mit-tliet punti meta minn pass ta’ Federico Bernardeschi kien Paolo Dybala li xeħet fix-xibka għal 2-0.

Fi Stadio Luigi Ferraris Sampdoria kienu megħluba f’darhom minn Lazio bl-iskor ta’ 3-1. Lazio fetħu l-iskort fis-7 minuta meta minn cross ta’ Mattia Zaccagni kien Sergej Milinkovic-Savic li xeħet fix-xibka għal 1-0. Huma rdoppjaw għaxar minuti wara meta din id-darba kien Ciro Immobile li kkonkluda fil-lasta wara pass ta’ Mattia Zaccagni. Lazio prattikament għalqu l-partita bit-tielet gowl fis-37 minuta meta reġa’ kien għal darb’oħra Ciro Immobile li xeħet fix-xibka għal 3-0. Sampdoria skorjaw gowl ta’ konsolazzjoni fid-89 minuta meat minn cross ta’ Riccardo Ciervo kien Manolo Gabbiadini li tefa’ fix-xibka għal 3-1.

Fi Stadio Renato Dell’Ara Fiorentina kisbu rebħa mportanti barra minn darhom kontra Bologna bl-iskor ta’ 3-2. Kienu Fiorentina li fetħu l-iskor fit-33 minuta meta minn cross ta’ Nicolas Gonzalez kien Youssef Maleh li bir-ras tefa’ fix-xibka għal 1-0. Minkejja dan Bologna kisbu d-draw tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima meta minn pass ta’ Mattias Svandberg kien Musa Barrow li b’volley mill-isbaħ għeleb lil goalkeeper Pietro Terracciano għal 1-1. Fiorentina reġgħu marru fil-vantaġġ fil-51 minuta meta kien Cristiano Biraghi li minn freekick preċiż tefa’ fix-xibka għal 2-1. Fiorentina komplew ikabbru d-distakk fis-67 minuta meta kien Dusan Vlahovic li mill-ħdax-il metru kkonkluda fix-xibka għal 3-1. Bologna naqqsu d-distakk fit-83 minuta meta x-xutt ta’ Aaron Hickey kien devjat ġewwa, liema gowl ma kienx biżejjed biex isalvaw draw.

SERIE A

Ilbieraħ: Milan v Salernitana 2-0, Roma v Inter 0-3, Napoli v Atalanta 2-3 Illum: Bologna v Fiorentina 2-3, Venezia v Verona 3-4, Spezia v Sassuolo 2-2, Sampdoria v Lazio 1-3, Juventus v Genoa 2-0 Għada: Empoli v Udinese 6.30pm, Cagliari v Torino 8.45pm