Internazzjonali

Tħeġġeġ kontra l-biża’ żejda dwar il-varjant Omicron

Ix-xjenzata ewlenija mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tħeġġeġ biex in-nies ma jintilfux f’paniku eżaġerat dwar il-varjant Omicron tal-Covid-19, Dan waqt li hi sostniet li għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid jekk il-vaċċini ta’ kontra l-Covid għandhomx ikunu modifikati għal riżultati aktar effettivi.

Ix-xjenzata Soumya Swaminathanqalet ukoll li impossibbli biex wieħed ibassar jekk l-Omicron hux se jsir ‘il-varjant numru wieħed’ fil-pajjiżi tad-dinja.

Dan meta l-varjant – li kien identifikat għall-ewwel darba mill-Afrika t’Isfel – qed jiċċirkola fil-kontinenti tal-Asja, l-Afrika, l-Americas, il-Lvant Nofsani u l-Ewropa.

Sadanittant, ħafna Gvernijiet qed jissikkaw ir-regoli tal-ivvjaġġar minbarra li qegħdin jieħdu l-miżuri ġodda biex, kemm jista’ ikun, iżommu l-varjant ‘il bogħod mill-popolazzjoni.

Min-naħa tagħha, Swaminathan qed tgħid li ‘stat ta’ allert’ u ‘preparazzjonijiet bil-għaqal’ għandhom jitqiesu bħala l-aħjar reazzjoni li l-pajjiżi jistgħu jaddottaw fil-preżent. Għaldaqstant, hi ħeġġet ‘għall-kawtela aktar mill-paniku’ għaliex id-dinja, illum, tinsab f’sitwazzjoni differenti minn ta’ sena ilu b’relazzjoni mal-coronavirus.

Il-varjant Delta qed jagħmel tajjeb għal 99 fil-mija tal-infezzjonijiet bil-Covid madwar id-dinja u wieħed irid jara jekk il-varjant Omicron isirx trasmissibbli biżżejjed biex isir il-varjant dominanti. Filwaqt li dan hu possibbli, wieħed ma jistax ibassar is-sitwazzjoni matul il-ġimgħat li ġejjin.

Dan meta għad hemm ħafna li mhux magħruf dwar l-Omicron li kien indikat f’aktar minn 24  pajjiż – u meta l-Ewropa qed tikkonfronta mewġa ta’ infezzjonijiet bil-varjant ta’ Delta aktar familjari.

Sadanittant, ħafna xjenzati qed jgħidu li l-aħjar mezz biex il-virus ma jinfirixx aktar hija politika effettiva li taċċerta li l-pajjiżi l-foqra jkollhom aċċess għall-vaċċini. Ix-xjenzati jaqblu li politika bħal din għandha tkun aktar effettiva mill-programmi għat-tilqim tal-massa liċ-ċittadini tal-pajjiżi sinjuri.