Lokali

Artisti Maltin jesebixxu l-comics f’esebizzjoni artistika

Bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti biex tittella' l-esebizzjoni artistika tal-comics

Ghost Rider… Yoda… Dr. Strange.

Huma dawn uħud mill-karattri li se jkunu esebiti waqt Malta Comic Con li se jerġa’ jirritorna wara nuqqas ta’ sena… din id-darba fuq skala ridotta biex ikunu rispettati l-protokolli tal-COVID-19 maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa.

F’din l-edizzjoi se jkunu qed jipparteċipaw 12-il artist li mistennija jippreżentaw ix-xogħlijiet artistiċi tagħhom f’forma ta’ esebizzjoni ta’ ritratti li se tkun qed tinkludi madwar 30 biċċa xogħol.

Fost ix-xogħlijiet li se jkunu esebiti jispikka wieħed partikolari – dak tal-karattru Tintin li tpoġġa fuq luzzu tradizzjonali Malti bix-xena tal-Belt Valletta fuq wara.

Barra dawn mistennija jkun hemm esebiti korazza, ilbies protettiv ta’ suldat, ta’ Star Wars magħmulin bl-idejn minn artist Malti. U se jkun hemm ukoll esebiti tliet kotba Maltin tal-comics li ħarġu fis-snin passati.

Net News tkellem ma’ Mark Ellul, membru ta’ Wicked Comics fejn spjegalna iktar dwar dak li wieħed jistenna mill-Malta Comic Con ta’ din is-sena.

Mark Ellul spejgalna wkoll kif artisti Maltin kienu affetwati mill-pandemija.

L-esebizzjoni se tkun mifruxa fuq tliet ijiem bejn l-11 u t-13 ta’ Diċembru mill-10 ta’ filgħodu sal-10 ta’ filgħaxija fi-Notre Dame Gate fil-Birgu fejn wieħed hu mistieden li jattendi u japprezza x-xogħol tal-artisti Maltin.