Internazzjonali

Covid-19: L-Omicron jidher li se jkun il-varjant dominanti fir-Renju Unit

Filwaqt li l-Ewropa qed tilqa’ għall-mewġa tal-varjant ġdid mill-Afrika t’Isfel magħruf bħala Omicron, wieħed mill-esperti ewlenin tal-mard li jittieħed qal li

l-Omicron kapaċi jsir il-varjant dominanti fir-Renju Unit fi kwistjoni ta’ ġimgħat biss.

Il-Professur Paul Hunter qed jikkalkula l-probabbiltà li, fir-Renju Unit, hemm diġà ‘il fuq minn 1,000 każ tal-varjant Afrikan – u li jfisser erba’ darbiet akbar mill-ammont ta’ każi diġà kkonfermati.

Il-Professur qal ukoll li l-Omicron dalwaqt jista’ jgħaddi lill-varjant Delta li, għalissa, hu l-element dominanti tal-coronavirus fl-Ewropa.  Intant, mhux ċar kemm il-varjant qed jinfirex malajr fir-Renju Unit, bil-professur jisħaq li dan, x’aktarx, qed jiċċirkola malajr ħafna, u dejjem skont l-aħħar indikazzjonijiet.

Il-varjant Afrikan jidher ukoll li qed javvanza malajr fil-pajjiżi tal-Ewropa, bl-awtoritajiet mediċi tal-Istati rispettivi qegħdin jimplimentaw pjani ta’ azzjoni biex, kemm jista’ ikun, jimminimizzaw l-impatt fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Sadanittant, fi żvilupp importanti, ir-Renju Unit qed jinsisti għal darb’oħra biex in-nies li jivvjaġġaw lejn arthom jagħmlu t-testijiet tal-Covid fuq bażi ta’ ‘pre-departure’.

Hu kkonfermat ukoll li n-Niġerja tpoġġiet ukoll fuq ir-red travel list tar-Renju Unit li jfisser li n-Niġerjani li jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit iridu jqattgħu għaxart ijiem fi kwarantina, fost l-inkwiet dwar il-varjant Omicron.

Intant, l-awtoritajiet Niġerjani kkritikaw ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar partikulari, b’Sarafa Tunji Isola, il-Kummissarju Għoli tan-Niġerja għar-Renju Unit, jgħid li f’dawn iċ-ċirkustanzi ‘kien ikun aħjar kieku kieku imposti l-miżuri fuq livell globali, aktar milli b’mod selettiv.’

Il-Kummissarju, fl-istess ħin, irrepeta l-kummenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fis-sens li r-restrizzjonijiet dwar il-Covid li qed ikunu imposti fuq xi pajjiżi Afrikani tan-Nofsinar iridu jitqiesu bħala ‘stil ta’ apartheid relatat għall-ivvjaġġar’.

Filwaqt li l-Gvern Britanniku qed jiffaċċja kritika dwar il-miżuri li, skont xi wħud, ‘qed isiru tard wisq’, il-Prim Ministru Boris Johnson insista li pajjiżu ħa azzjoni f’waqtha u fl-aktar fis fir-rigward tal-Omicron. Madankollu, fl-aħħar sigħat, l-eks Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, informa lill-BBC li n-nuqqas ta’ rispett, kmieni fis-sena, għar-regoli dwar is-social distancing fir-Renju Unit għandu jindika ‘falliment fuq in-naħa tat-Tmexxija f’Londra’.

Sadanittant, il-President tal-Afrika t’Isfel, Cyril Ramaphosa, qal li l-awtoritajiet f’pajjiżu qed iħejju l-isptarijiet għal mewġa kbira ta’ pazjenti, fost ir-raba mewġa tal-Covid-19 li qed tkun xprunata mill-varjant Omicron ( li nstab għall-ewwel darba fil-pajjiż proprju).