Internazzjonali

Franza: Kandidat għall-Presidenza aggredit waqt rally

Eric Zemmour, il-kandidat tal-lemin estrem għall-Presidenza ta’ Franza, spiċċa aggredit minn raġel waqt l-ewwel rally tal-kampanja elettorali tiegħu li kien qed isir f’Villepinte, li hu subborg ta’ Pariġi. 

Il-każ kien jinvolvi raġel li ħataf lil Zemmour minn għonqu waqt li l-kandidat kien miexi minn qalb il-folla lejn palk, minfejn kellu jagħmel id-diskors tiegħu. L-aggressur spiċċa mrażżan mill-qawwiet tas-sigurtà fost rapporti li l-kandidat weġġa idu waqt l-attakk — bit-tobba jordnawlu xi jiem ta’ mistrieħ.

Eric Zemmour, eks ġurnalista, hu magħruf għall-fehmiet kontroversjali dwar l-immigranti u t-Tieni Gwerra Dinjija. Hu, fost oħrajn, qed jinsisti li Franza ipproteġiet lil-Lhud waqt din il-gwerra meta fil-verità il-Gvern Franċiż tal-Vichy, bħala kollaboratur mal-Ġermanja ta’ Adolf Hitler, kien bagħat eluf ta’ Franċiżi Lhud lejn il-kampijieet tal-mewt tan-Nażisti.

Kien proprju ftit tal-jiem ilu li Zemmour ħabbar il-kandidatura tiegħu fl-elezzjoni presidenzjali tas-sena d-dieħla fi Franza. Intant, hu qed jisfida lil Marine Le Pen – simbolu tal-lemin estrem fi Franza – għat-tmexxija ta’ din il-faxxa politika li qed iżżid l-appoġġ madwar il-pajjiż.