Lokali

“Il-bdiewa ma jistgħux jibqgħu jiġu mhedda”

Il-fatt li diversi bdiewa li għandhom art f’Marsaxlokk qed ikunu mhedda li, jekk ma jħallsux ammonti kbar ta’ flus, titteħdilhom l-art, hi l-ewwel u qabel kollox theddida eżistenzjali kbira għas-settur agrikolu.

Hekk fisser l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom dawn il-bdiewa, Malcolm Borg, il-Kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, f’kumment lil NET News, fejn spjega li ċirkostanza bħal din qed tkun ta’ spiss ħafna u għalhekk, għandha tkun indirizzata mill-aktar fis.

Bdiewa li riċentament tkellmu ma’ gazzetta lokali spjegaw kif raġel li qed jiddkjara li xtara l-art fejn jaħdmu huma talabhom 65,000 ewro għal kull tomna art, inkella jaċċettaw ammont żgħir ta’ flus biex jitilqu u ma jispiċċawx b’kawża l-Qorti.

Daqstant eluf huma ħafna għal dawn il-bdiewa illi esprimew id-diżappunt tagħhom kif il-Gvern għadu ma wettaqx il-wegħda li jagħtihom protezzjoni legali.

Bdiewa oħrajn li tkellmu ma’ NET News dwar dan qalu li, minkejja l-kliem sabiħ, il-Gvern ħallihom għal riħhom u daħaq bihom billi ppreżenalhom biss kliem sabiħ.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista diġà qal li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech, fost l-oħrajn, iniedi skema ta’ għajnuna biex bdiewa attivi jakkwistaw direttament ir-raba’ tagħhom b’self bla interessi.

Tags