Lokali

Il-Ministru skomda twieġeb dwar id-deal ta’ €100 miljun

Huwa evidenti li dak li ħareġ fis-Sunday Times – li żvelat kif f’Awwissu tal-2019 il-Kabinett approva li ta’ Steward se jitħallsu €100 miljun minn flus il-poplu anke f’każ li jaqa’ d-deal tal-isptarijiet – qed iġiegħel lill-membri tal-Kabinett iħossuhom skomdi jwieġbu d-domandi tal-ġurnalisti.

Konferma ta’ dan, l-attitudni tal-Ministru Julia Farrugia Portelli…. li mistoqsija dwar dak li issa sar pubbliku grazzi għall-media indipendenti, dehret viżibbilment skomda għall-aħħar milli tikkundanna l-approvazzjoni li l-Kabinett ta lil Konrad Mizzi għal dan id-deal, fi zmien meta l-istess Farrugia Portelli kienet Segretarju Parlamentari. Minflok, hi nħbiet wara inkjesta maġisterjali li ilha għaddejja għal aktar minn sentejn.

L-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi kien akkużat li ffirma dan il-ftehim fl-2019 minn wara dahar il-Ministri sħabu.

Iżda skont is-Sunday Times, il-minuti tal-Kabinett indikaw li Mizzi ta deskrizzjoni verbali lil sħabu, u wara talab l-approvazzjoni għad-deal ta’ €100 miljun – approvazzjoni li ngħatatlu waqt l-istess laqgħa tal-Kabinett, bil-ftehim kien iffirmat fl-istess ġurnata wara din il-laqgħa.

Dak iż-żmien, dak li llum hu l-Prim Ministru – Robert Abela – kien Konsulent tal-predeċessur tiegħu fil-Kabinett u għalhekk, kien jattendi għal-laqgħat. Madankollu….ftit tal-gimghat ilu….. hu kien prova jagħti x’jifhem li sar jaf bid-deal tal-€100 miljun wara li kien iffirmat.

…dan minkejja li bl-istorja żvelata fil-media indipendenti, issa sar magħruf li l-verità hija xort’oħra.