Lokali

Mozzjoni biex jiġu revokati u annullati r-regolamenti tal-2021 dwar il-pubblikazzjoni online ta’ sentenzi tal-qorti

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq mozzjoni Parlamentari biex il-Kamra taqbel u tirriżolvi li tħassar, tirrevoka u tannulla r-Regolamenti tal-2021 dwar il-Pubblikazzjoni Online ta’ Sentenzi tal-Qorti (Protezzjoni tad-Data) Għoti ta’ Funzjonijiet – Avviż Legali 456 tal-2021.

Dan ħabbruh f’konferenza tal-aħbarijiet il-kelliem għall-ġustizzja Karol Aquilina u l-kelliem għad-drittijiet umani u l-governanza tajba Therese Comodini Cachia.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza taħt it-tmexxija ta’ Edward Zammit Lewis qiegħed permezz tal-Avviż Legali jagħti b’mod formali tali funzjoni lid-Direttur Ġenerali (Qrati) u lill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati sabiex ikunu huma li jiddeterminaw jekk persuna għandhiex raġunijiet validi biex teżerċita d-dritt ta’ tħassir ta’ data personali fir-rigward tal-kontenut ta’ sentenza tal-qorti ppubblikata online fuq is-sitweb tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati.

Kien għalhekk li dan l-avviż legali ġie kkritikat b’mod pubbliku minn għadd kbir ta’ għaqdiet, organizzazzjonijiet u media houses fosthom l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM), The Daphne Foundation, Lovin Malta, The Malta Independent, Access Info Europe, The Times of Malta, MaltaToday, The Shift News u Newsbook, li flimkien sostnew li l-imsemmi Avviż Legali jippreġudika d-drittijiet fundamentali għax iċaħħad liċ-ċittadini mid-dritt li jkunu nfurmati u jxekkel l-aċċess għall-informazzjoni li hija fl-interess pubbliku u għalhekk talbu li l-imsemmi Avviż Legali jiġi revokat.

Dan l-avviż ġie kkritikat ukoll mill-Kamra tal-Avukati li ddeskrivietu bħala żbaljat u infondat, kif ukoll li huwa nieqes minn kontrolli effettivi u fuq kollox ir-Regolamenti huma nieqsa minn kwalunkwe dettall li huwa meħtieġ biex il-pubbliku jkun jista’ jifhem eżatti x’inhuma d-drittijiet tiegħu u liema huma prinċipji li abbażi tagħhom ser ikunu qegħdin jittieħdu d-deċiżjonijiet mid-Direttur Ġenerali u mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati;

Anke l-Malta IT Law Association (MITLA) esprimiet tħassib serju dwar l-aħbar li sentenzi tal-Qrati ta’ pajjiżna qegħdin jiġu mħassra b’mod li ma jkunux aktar aċċessibbli onlajn.

Il-kelliema qalu li f’soċjetà demokratika u b’mod partikolari f’dinja diġitali, il-pubblikazzjoni ta’ sentenzi mogħtija mill-Qrati huwa essenzjali biex jiġi żgurat u mħares il-prinċipju kardinali li l-ġustizzja mhux biss trid issir iżda trid tidher li qed issir.

Sostnew li f’socjeta demokratika huwa meħtieġ li jissaħħaħ id-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-istampa u l-imsemmi Avviż Legali jagħmel eżattament l-oppost billi jkompli jċaħħad lill-ġurnalisti minn dak l-ambjent it-tajjeb (enabling environment) li huwa meħtieg f’kull soċjetà demokratika li tagħraf tirrikonoxxi l-ġurnaliżmu bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija.