Internazzjonali

Myanmar: Suu Kyi ikkundannata għal erba’ snin ħabs

Aung San Suu Kyi

Aung San Suu Kyi, ir-rebbieħa tan-Nobel għall-Paċi li tkeċċiet minn Mexxejja ta’ Myanmar, spiċċat ikkundannata għal erba’ snin ħabs dwar’ ‘inċitament kontra l-militar’ u allegat abbuż tal-protokolli tal-Covid. Il-verdett kien ikkonfermat xhur wara Suu Kyi u l-Gvern leġittimu tagħha kienu tqaċċtu mill-poter waqt kolp ta’ stat immexxi mill-Ġunta militari tal-pajjiż.

Is-sentenza hi anki l-ewwel f’sensiela ta’ verdetti relatati għal Suu Kyi (ritratt) u li kapaċi jirriżultawlha fi priġunerija għal għomorha.L-eks mexxejja ta’ Myanmar, kollox, qed tiffaċċja 11-il akkuża li diversi pajjiżi fissru bħala inġusti. Hi, intant, qed tiċħad l-akkużi kollha miġjuba kontra tagħha.

Aung San Suu Kyi ilha tinżamm f’detenzjoni mill-kolp ta’ stat ta’ Frar li għadda iżda fl-aħħar sigħat ma kienx ċar jekk hi, ‘il quddiem, tistax tibda tinżamm il-ħabs u meta, għalissa, qed tinżamm f’lokalità sigrieta.

Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet Umani, Michelle Bachelet  ikkundannat ‘il-proċess qarrieqi għal Suu Kyi’ u sostniet li l-verdett għandu jżid ‘is-sentimenti ta’ ċaħda’ għar-reġim militari fi Myanmar.