Lokali Qorti

Tkompli toħroġ il-ħdura fil-konfront ta’ deputati tal-PN u oħrajn fil-każ ta’ ittri anonimi

Meta kompliet tinstema l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Joseph Mary Borg mill-Belt li jinsab mixli b’attakki fuq numru tal-Partit Nazzjonalista u persuni oħra fosthom il-President tal-Għaqda Repubblika, Konsulent Kevin Cassar u l-membri tal-familja tagħhom fejn kompliet toħroġ il-ħdura f’dak li ngħad, b’tgħajjir dwar mard u li kienu se jispiċċaw ħażin.

Fix-xhieda tiegħu d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-ittri li rċieva fir-residenza tiegħu fil-Għargħur kien fihom kien hemm tifħir lejn l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u magħhom kliem ħażin u aċċenn fuq mard flimkien ma’ kliem diżpreġġattiv fil-konfront ta’ martu u missieru, l-eks Prim Ministru u President ta’ Malta, Eddie Fenech Adami.

Fenech Adami qal quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li t-tgħajjir u l-kliem ħażin sar xi ħaġa li qed issir qiesu xejn mhuwa xejn. Tenna li huwa qed jgħaddi minn esperjenzi u li ta’ 12-il sena għadda minn esperjenza kerha meta mal-200 persuna kienu attakkaw id-dar tal-ġenituri tiegħu.

“Huwa ta’ tħassib akbar li xi ħadd anonimu ikun qed iqis il-passi tiegħek, jaf fejn tkun u saħansitra anke l-movimenti tiegħek fil-quddiesa ta’ kull nhar ta’ Ħadd u li dan ifisser jew li xi ħadd ikun qed isegwik jew ikun infurmat tajjeb”, qal Fenech Adami. Ix-xhud qal li lejliet li kien tressaq Borg ta’ 71 sena, l-Ispettur tal-Pulizija li qed imexxi l-każ staqsieh jekk kienx irċieva ittri anonimi fil-passat, u li huwa wieġbu fl-affermattiv. Tenna li mar id-dar u għaddihom lill-Prosekuzzjoni.

Fenech Adami esebixxi fil-Qorti ittri li jmorru lura sal- 5 ta’ Mejju 2016 u l-4 ta’ Marzu 2017, Ma’ dawn f’perjodu qasir huwa rċieva ħamsa oħra f’perjodu qasir b’listi tal-kandidati tal-Partit Laburista, b’dokumenti ta’ Malta Tagħna Lkoll u b’ħafna kliem ħażin. Huwa kollha kien irċevihom fir-residenza tiegħu, ndirizzati lilu tgħajjir theddid u messaġġ ta’ –“ li jien naf min int u naf id-dettalji tiegħek fejn tkun u fejn tmur, f’kelma waħda qed insus fuqek.”

Qabel kienu jitħassruk imma llum qed jixtiequlek id-deni

Apparti li minkejja dan il-kliem ħażin kollu, kien jiġi ndirizzat lilu diskors ta’ meta kien ma jiflaħx,  li kien jgħid, “qabel kienu jitħassruk imma llum l-istess nies jixtiequlek id-deni. Minn ħalqek toħroġ riħa tinten ta’ drenaġġ, effett tal-medċina li kont qed tieħu. Qabel.

“Id-deni li tixtieq lil pajjiż qed jii fuqek. Kliem ieħor kien jinkludi lil martu u lil ħuħ u tenna li l-kliem fuq martu huwa l-aktar li dejjqu u li wkoll fis-sajf li għadda kienu vvandalżżaw il-karozzi tat-tfal tiegħu. Mistoqsu mill-Qorti huwa qal li meta rċieva dawn l-ittra kien MP u fl-2016 kien viċi kap tal-PN u vuċi ewlenija fuq l-istejjer kbar fil-pajjiż.

Dwar għaliex ma għamilx rapport? Fenech Adami qal li ħassu anqas komdu jagħmel rapport. Tenna li huwa tkellem ma’ sħabu li wkoll irċevew ittri simili u li huwa kważi ċar li dawn kollha ġew mill-istess persuna.

Attakki anke fuq Ryan Callus

Xhud ieħor li wkoll kien vittma ta’ ittri anonimi kien id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus li qal li fit-28 ta’ April 2020 meta kien hemm seduta parlamentari, kien irċieva ittra fil-bidu ta’ l-istess seduta.

L-ittra kellha attakk fuqu dwar konferenza stampa li kien għamel xi jiem qabel dwar il-kontijiet tad-dawl u ilma. Huwa qal li d-deputati jirċievu ittri anonomi, iżda din kienet ħarġet barra mill-limiti minħabba li attakkat ukoll lill-membri tal-familja tiegħu, li jinkludu wkoll nies li mietu.

Callus qal li rċieva tliet ittri b’kollox, u li tnejn minnhom kienu ġew distrutti minnu. L-aħħar ittra kien maqsuma f’żewġ partijiet, attakk politiku, li qal li ma hemm xejn ħażin fiha, iżda l-kritika kienet waħda aggressiva, theddid fuq id-dmirijiet tiegħu, speċjalment fuq is-settur li kien jitkellem dwaru li kien wieħed sħun.

“Għalxejn tmur il-missjoni ma jiswa xejn jekk tigdeb.” Il-kontenut ukoll wera li min kien bagħtlu l-ittri kien isegwi l-ħajja privata tiegħu. Kliem ħażin anke indirizzat lejn ommu, sentejn qabel ma mietet, weġġa’ ħafna lid-deputat Nazzjonalista.

Callus kompla jgħid li l-fatt li ma kienx jaf min qed jibgħat dawn l-ittri anonimi ħażbu aktar. L-aktar li nkwieta kien minħabba l-membri tal-familja tiegħu, u qal li jista’ jkun li l-politiċi għandhom ġilda ħoxna, imma l-membri tal-familja, le.

L-aktar mument diffiċli għalih kien li jgħid lil missieru. Kompla jgħid li kull ma kien qed jagħmel kien biss li jaqdi dmiru jitkellem dwar is-SOCAR u l-problemi. Qal li huwa kien  għadda din l-ittra lil l-iskrivan tal-kamra. L-ispirtu tal-ittra kien li xi ħadd ried iżommu milli jagħmel xogħolu. L-Ispettur Kurt Farrugia f’isem il-prosekuzzjoni kompla jistaqsi aktar mistoqsijiet dwar il-kontenut tal-ittri qal li dawn kienu tal-biża’. Tenna li huwa qatt ma ltaqa’ mal-akkużat u li ma jafux.

Il-konsulent Kevin Cassar ukoll rċieva ittri anonimi

Xhud ieħor li kien ukoll vittma ta’ ittri anonimi kien il-konsulent Kevin Cassar li qal li għall-ħabta ta’ Lulju huwa kien irċieva ittra l-isptar Mater Dei. Din l-ittra kienet mimlija abbuż u li fl-4 ta’ Awwissu kien irċieva oħra b’kalligrafija simili. It-tielet ittra kien irċiviha d-dar u kienet indirizzata lil mara tiegħu Maria Cassar. Qal li huwa fetaħ il-kaxxa tal-ittri u nnota l-kaligrafija kienet l-istess bħal ta’ qabilhom.

“Il-kontenut tal-ittra kien wieħed ċar, xi ħadd ried iwaqqafni milli nikteb f’ġurnali lokali. Id-diskors kien wieħed ta’ kliem ħażin indirizzati mhux biss lejjha, imma ta’ ommi u missieri,” qal ix-xhud. Kompla jgħid ukoll li kien hemm diskors pastaż indirizzat lejn il-kunjatu tiegħu, Eddie Fenech Adami u li bħal tal-vittmi l-oħra kienu bil-kitba. Tenna li l-kontenut tal-ittri kien l-istess kontenut li joħroġ mill-media Laburista.

Kliem li jintuża fl-items tal-aħbarijiet. Qal li kesaħ meta qara’ l-kontenut tal-ittri u tant kemm ħassu skomdu kull meta issa jiftaħ ittra, jagħmilha fil-preżenza ta’ segretarja jew infermiera. Cassar qal li l-aktar ħaġa li beżżgħetu kienet meta ntbagħtet ittra id-dar u hawn skopra li min kien qed jibgħat l-ittri kien jaf fejn joqgħod. Tenna li ma kienx qal lil martu x’kien qed jiġri u mar mill-ewwel għand il-Pulizija. L-ewwel tnejn ħadhom l-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida u tielet waħda għaddiha lill-Pulizija.

Saret talba għall-pleġġ mid-difiża li ma sabitx oġġezzjoni mill-prosekuzzjoni peress li xehedu diġa’ numru ta’ vittmi. Il-Qorti laqgħet it-talba taħt diversi kundizzjonijiet taħt odni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittmi kollha fuq depożitu ta’ 2,000 u garanzija personali ta’ 10,000. Li jirraporta fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt darbtejn fil-ġimgħa u li ma jaghmel l-eda kuntatt mal-vittmi jew jersaq fil-viċinanzi tagħhom. Il-kumpilazzjoni tkompli fit-18 ta’ Jannar f’ 12.00pm.