Internazzjonali

Veneżwela: ‘Maqtul’ kmandant ewlieni tar-ribelli Kolombjani

Eks-Kap dissidenti tal-FARC, grupp tar-ribelli ewlieni fil-Kolombja, qed jingħad li tilef ħajtu wara li spiċċa attakkat fil-Veneżwela.

Ir-rapporti minn dan il-pajjiż qalu li Hernán Darío Velásquez, imlaqqam El Paisa, qala tiri fatali waqt li kien qiegħed fl-Istat ta’ Apure – iżda mewtu, għadha ma ġietx ikkonfermata b’mod uffiċjali mill-Kolombja. Dan waqt li l-Armata Kolombjana qalet li ‘ma kienet taf xejn dwar il-każ’.

Mill-banda l-oħra, l-istampa qed tindika li Velasquez seta’ inqatel ‘minn merċenarji li kienu mwiegħda somma flus f’każ li jeliminawh’.

Iżda l-awtoritajiet fil-Kolombja, fl-aħħar sigħat, qalu li ma kienux se jikkonfermaw il-qtil ta’ El Paisa qabel l-uffiċjali tagħhom jaraw b’għajnejhom il-katavru. Dan meta l-Uffiċċju tal-President Kolombjan, Iván Duque, qed jipprova jiġbor aktar informazzjoni relatata mal-każ.