Ekonomija Kummerċ Lokali

41% tan-negozji qed jistennew li l-perjodu tal-festi se jkollu bejgħ l-istess jew agħar mis-sena l-oħra

Survey li sar mill-Malta Chamber of SME’s wera li 18% tan-negozji qed ibassru li din is-sena l-bejgħ se jkun inqas mis-sena l-oħra filwaqt li 23% qed jistennew li dan jibqa’ l-istess.

Mistoqsija dwar kemm kienu sodisfatti bil-bejgħ li sar fil-perjodu tal-Black Friday, 23% tan-negozji qalu li ma kinux sodisfatti filwaqt li 28% qalu li ma rawx differenza minn kemm ibigħu s-soltu. Dan filwaqt li 10% ħassew li l-bejgħ mar vera ħażin.

Bħala medja, in-negozji li qalu li ma tantx marru tajjeb hawnhekk naqas b’madwar 25% matul l-istess perjodu tas-sena l-oħra. Kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, kompetizzjoni minn barra l-pajjiż u konsumaturi li kienu kawti bl-infiq tagħhom kienu l-aktar raġunijiet komuni li wasslu biex in-negozji jnaqqsu l-bejgħ.