Knisja Kultura Lokali Mużika

Akkademja Mużikali f’Ħaż-Żebbuġ li jagħlaq is-Sena Ġużeppina

Il-Każin San Ġużepp u Banda de Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ se ttella’ Akkademja Mużikali bl-isem Patris Corde fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ għada l-Erbgħa, it-8 ta’ Diċembru fis-7.45pm sabiex tagħlaq din is-sena speċjali għall-Ġużeppini kollha, dik tas-Sena Ġużeppina hekk kif ddikkjarata mill-qdusija tiegħu il-Papa Franġisku kif ukoll l-għoti tal-Ittra Appostolika ‘PATRIS CORDE’.

F’din l-Akkademja se jindaqqu diversi innijiet lil San Ġużepp mill-Arkivju tas-Soċjetà, fosthom l-‘Inno per San Giuseppe’ ta’ Orlando Crescimanno, li se jindaqq għall-ewwel darba għal din l-okkażjoni. Minn riċerka li saret, jirriżulta li dan l-innu kien l-ewwel innu li qatt kiteb f’din il-forma mis-surmast Crescimanno, biss, għal xi raġuni jew oħra, dan l-innu qatt ma ndaqq fil-pubbliku.

Din l-Akkademja se tfakkar ukoll anniversarju mill-2020 hekk kif il-Parroċċa Żebbuġija flimkien mal-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan iċċelebraw il-150 sena mill-miġja tal-istatwa artistika, xogħol Ġlormu Darmanin, kif ukoll il-150 sena mill-proklama li għamel Papa Piju IX fl-1870, li fiha ddikkjara lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali.

Il-Banda de Rohan se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Tancred Grech FLCM, kif ukoll mill-Assistent Surmast Hertian Gauci FLCM u magħha jieħdu sehem il-kantanta, Rachel Lowell, il-baritonu, Alfred Camilleri, it-tenur, Georg Zammit mal-kor tat-tfal, Centrestage Malta.

Il-pubbliku huwa mitlub ikun f’postu fis-7:30PM, bl-ilbies tal-maskra u l-ħarsien tal-miżuri tal-COVID-19. Sabiex wieħed ikun jista’ jattendi għal din l-Akkademja, is-Soċjetà qed titlob lill-pubbliku jirriserva post billi jagħmel kuntatt mas-Segretarju permezz tan-numru 99431929 hekk kif l-Akkademja qed tittella’ skont il-miżuri maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.