Lokali

Appell biex tkun diskussa petizzjoni ta’ 53 għaqda u individwi mill-iktar fis

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista illum appella liċ-Chairman tal-Kumitat Permanenti għall-Petizzjonijiet biex jagħti prioritá lill-petizzjoni mingħand 53 għaqda u individwi li appellaw lill-Gvern biex iressaq emendi qabel ma tkun approvata l-Liġi li tillegalizza l-użu tad-droga Kannabis.

Filwaqt li vvota kontra l-liġi kif inhi sal-lum, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-petizzjoni tal-għaqdiet u l-individwi tiġi diskussa mill-iktar fis mill-Kumitat Parlamentari tal-Petizzjonijiet u l-Gvern jieqaf jgħaddi romblu minn fuq kulħadd.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-Gvern mhux lest li jilqa’ din it-talba tal-Oppożizzjoni f’isem it-53 għaqda firmitarja ta’ din il-petizzjoni. Kull proċedura fil-parlament tista’ tinbidel bi qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni kif jiġri f’diversi stanzi fil-hidma parlamentari. L-Oppożizzjoni talbet b’mod formali li l-kumitat Parlamentari dwar il-petizzjonijiet jiltaqa qabel il-vot finali ta’ nhar it-tlieta.

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista iltaqa’ ma’ numru ta’ għaqdiet tul proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’.

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista itenni li jqis l-abbozz kif propost mill-Gvern bħala wieħed li ser joħloq in-normalizzazzjoni u ż-żieda tal-abbuż tad-droga f’pajjiżna. Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista mhuwiex favur li f’pajjiżna jkollna kultura prevalenti ta’ abbuż mid-droga.

L-abbozz kif propost mill-Gvern ma jagħti l-ebda protezzjoni u għajnuna lill-persuni vulnerabbli li jaqgħu għall-vizzju tad-droga u ma jagħti l-ebda għodda legali ġodda u aktar effettivi biex jiġi miġġieled it-traffikar tad-droga.

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li l-Parlament għandu jpoġġi l-ewwel u qabel kollox l-interess ta’ dawk l-aktar vulnerabbli f’pajjiżna b’mod partikolari t-tfal. Bl-abbozz ta’ liġi li ressaq, il-Gvern Laburista qed jagħti dahru lit-tfal u l-interessi u l-ħtiġijiet tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Parlament għandu jilleġiżla biss biex tissaħħaħ is-soċjetà Maltija u m’għandu qatt jintuża minn partit politiku biex lejliet elezzjoni ġenerali joħloq diversiv minn fuq issues li huma tassew urġenti għal pajjiżna.