Internazzjonali

Covid-19: Il-pajjiżi jimplimentaw aktar regoli tas-sigurtà biex irażżnu kemm jistgħu l-firxa tal-varjant Omicron

A nurse of the Les Flaxinelles EHPAD (Housing Establishment for Dependant Elderly People) in Bergheim, eastern France, has a blood sample taken for a COVID-19 serological test on April 14, 2020, on the 29th day of a strict confinement in France aimed at curbing the COVID-19 disease caused by the novel coronavirus. (Photo by SEBASTIEN BOZON / AFP) (Photo by SEBASTIEN BOZON/AFP via Getty Images)

Il-pajjiżi tad-dinja – partikolarment l-Istati Ewropej – qed ikomplu jaħdmu fuq programmi ta’ restrizzjonijiet fid-dawl tal-firxa tal-varjant Omicron.

Dan meta l-Gvernijiet u l-awtoritajiet tas-saħħa qed ikomplu janalizzaw l-aħjar strateġiji li jnaqqsu l-impatt tal-varjant, bl-Omicron qed ifeġġ u jinfirex f’dejjem aktar pajjiżi.

Ir-Renju Unit hu fost l-aktar pajjiżi li qed jindirizzaw din il-kriżi tas-saħħa b’mod qawwi – fost konferma, sigħat ilu, li n-nies li qed jivvjaġġaw lejn dan il-pajjiż iridu jieħdu test tal-Covid qabel il-vjaġġ, Dan filwaqt li deħlin dejjem aktar regoli bil-għan li titnaqqas il-firxa tal-Omicron fl-artijiet Britanniċi.

In-nies li qed jaslu fir-Renju Unit minn barra jridu wkoll jagħmlu PCR test mal-wasla tagħhom. Dan fost direttivi biex kull persuna suspettata b’kuntatt ma’ xi ħadd infettat bl-Omicron tmur bilfors f’iżolament għal minimu ta’ għaxart ijiem u meta mbagħad iridu jsirulha t-testijiet dovuti.

Sadanittant, l-awtoritajiet tas-saħħa fir-Renju Unit, fl-aħħar sigħat, ikkonfermaw li  hemm ‘il fuq minn 340 każ tal-Omicron fl-artijiet tagħhom.

Min-naħa tagħhom, ix-xjentisti qed jghidu li l-Omicron għandu potenzjal li jgħaddi lid-Delta bħala l-varjant numru wieħed tal-Covid fil-pajjiżi tal-Ewropa. Madankollu, jeħtieġu jgħaddu l-ġimgħat biex l-esperti jikkalkulaw bl-eżatt kemm il-vaċċini huma effettivi fil-konfront tal-varjant Afrikan.

Fi żviluppi oħra, l-awtoritajiet fi Franza ħarġu direttivi biex in-nightclubs fil-pajjiż jagħlqu għal erba’ ġimgħat bħala miżura ta’ sigurtà –  meta dan il-pajjiż hu fost l-aktar stati Ewropej li rappurtaw żieda sinifikanti fil-każi tal-Omicron.

Il-Ministru tas-Saħħa Franċiż, Olivier Veran, ħabbar li l-inċidenza ta’ 400 infezzjoni għal kull 100,000 ċittadin tfisser li r-rati huma diġà ogħla mill-eqqel tat-tielet mewġa tal-coronavirus fil-pajjiż.

Dan meta l-Prim Ministru ta’ Franza, Jean Castex, sostna li pajjiżu jinsab diġà fi ġlieda qalila kontra l-ħames mewġa tal-Covid-19.

Fil-Ġermanja, intant, komplew is-sejħiet biex iċ-ċittadini jitlaqqmu kontra l-Covid, meta l-mexxejja federali u tal-Istati Ġermaniżi qablu dwar sensiela ta’ miżuri ġodda intiżi biex jikkontrollaw il-firxa konsistenti ta’ infezzjonijiet madwar il-pajjiż.