Lokali Qorti

Ħabs għal żagħżugħ bi problema tad-droga wara li ammetta każ ta’ ħruq, ordnat ukoll trattament obbligatorju

Żagħżugħ li spiċċa f’inkwiet serju minħabba l-vizzju tad-droga inkontrollabbli tiegħu ġie kkundannat sentenza ta’ ħabs u tpoġġa taħt trattament obbligatorju wara li ammetta każ ta’ ħruq. Iż-żagħżugħ ta’ 23 sena, li ismu huwa pprojbit minn mindu tressaq il-Qorti x-xahar li għadda, ammetta li ħaraq bieb ta’ residenza tal-Ħamrun fil-5 ta’ Novembru għall-ħabta tal-5.15pm.

Hekk kif l-fjammi tan-nirien f’dar fi Triq Alexander intfew, l-investigaturi milli ewwel ssuspettaw li n-nar kien intenzjonat peress li kien hemm riħa qawwijna ta’ fjuwil. Dak is-suspett kien sussegwentement ikkonfermat u filmati tas-CCTV wasslu għall-identifikazzjoni u l-arrest taż-żagħżugħ.

Ir-raġel, li kien tpoġġa taħt probation is-sena l-oħra, ammetta l-involviment tiegħu fl-attakk tal-ħruq u kkopera wkoll mal-pulizija. L-investigaturi kkonfermaw li meta ħa n-nar id-dar kienet vojta. L-akkużat kien jaqsam dik l-akkomodazzjoni għal xi żmien, ingħad lill-Qorti.

Jumejn wara l-inċident, iż-żagħżugħ irreġistra ammissjoni li ta n-nar lill-bieb ta’ barra, li volontarjament għamel ħsara lil proprjetà ta’ terzi kif ukoll li wettaq dawk ir-reati waqt li kien taħt probation. Il-qorti laqgħet talba mill-avukat difensur għal rapport ta’ qabel is-sentenza.

L-uffiċjal tal-probation inkarigat li jirrapporta lura lill-Qorti spjega li d-dipendenza taż-żagħżugħ fuq drogi sintetiċi tant kienet akuta u inkontrollabbli li spiċċa bla dar, u li saħansitra qata’ r-rabtiet ma’ ommu. Għalkemm is-sena li għaddiet kien tpoġġa taħt probation fi proċeduri separati, iż-żagħżugħ xorta ma kellux motivazzjoni biex jindirizza d-diversi problemi personali tiegħu.

Huwa kellu bżonn jindirizza dawk il-problemi sabiex ibiddel ħajtu u jevita fil-futur l-ksur tal-liġi, qalet il-qorti. Fid-dawl ta’ ċirkustanzi bħal dawn il-Maġistrat Rachel Montebello osservat li ż-żagħżugħ kellu bżonn kura obbligatorja u kura psikjatrika għall-problemi li nħolqu mill-abbuż tad-droga tiegħu.

Waqt li ħadet nota tal-ammissjoni bikrija tiegħu ta’ ħati, il-kooperazzjoni tiegħu mal-pulizija kif ukoll il-fatt li r-rekord kriminali tiegħu ma kienx voluminuż, il-qorti kkonkludiet li l-aħjar triq ‘il quddiem kienet sentenza ta’ ħabs effettiva li għandha tendenza lejn il-minimu.

B’hekk il-Qorti kkundannat lill-akkużat għal 24 xahar ħabs u xahar ieħor għar-reati preċedenti li dwarhom kien tpoġġa taħt probation, flimkien ma’ multa ta’ €100. Barra minn hekk, il-qorti poġġietu taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin u ordni ta’ trażżin ta’ sentejn fir-rigward tal-vittma ta’ ħruq, effettivi ladarba jkun serva s-sentenza. L-Ispetturi Jeffrey Scicluna, Mario Xiberras u Stacey Gatt mexxew il-prosekuzzjoni.