Lokali Qorti

Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada ordnata tħallas kumpens ta’ €22,000 fuq tkeċċija inġusta

Raġel ta’ 64 sena li kien ilu jaħdem mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada għal 12-il sena sħaħ bħala Projects Supervisor ingħata kumpens ta’ €22,000  mit-Tribunal Industrijali fuq każ ta’ tkeċċija inġustija. Ir-raġel kien għamel talba għall-estenzjoni tas-sick leave approvat minn tabib, bil-Fondazzjoni titlobu jirreżenja u għax m’aċċettax spiċċa biex tkeċċa.

Fit-8 ta’ Mejju tal-2018, spiċċa bla mpieg mingħajr raguni tajba u suffiċjenti skont il-Liġi. Huwa kien qiegħed fuq sick leave u wara li talab estenzjoni skont il-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg tiegħu, mhux biss ma ngħatax estenzjoni iżda ntalab jirreżenja u meta ma aċċetta tkeċċa.

Il-ħaddiem kien ħareġ bis-sick leave fis-17 ta’ Jannar 2018 u kellu parir mit-tabib tiegħu li jista joħroġ mid-dar. Ġranet wara, l-HR & Communications Manager tal-Fondazzjoni kien ċempillu biex jara meta dieħel lura għax-xogħol fejn l-indikazzjoni kienet li s-sick leave kien se jkun fit-tul.

Fl-10 ta’ April, 2018, l-HR kitiblu biex jistaqsi fuq il-pożizzjoni tiegħu. Fit-12 ta’ April 2018, ir-raġel talab biex jiġi applikat favur tiegħu 50 fil-mija tas-sick leave mhux utiliżżat skont proċedura applikabbli. Fis-27 ta’ April 2018 il-ħaddiem bagħat ċertifikat mediku biex isostni dan. L-approvazzjoni ghal din it-talba mhux awtomatika u trid tiġi approvata mill-Kap Eżekkuttiv.

Fit-2 ta’ Mejju, 2018, l-HR kitiblu li t-talba qed tiġi rifjutata u talbu jirreżenja sas-7 ta’ Mejju 2018. Huwa ma laqax din it-talba li skont hu kienet abbużiva u mhux skont id-drittijiet tiegħu. Fid-9 ta’ Mejju 2018, il-ħaddiem rċieva ittra mill-Kap Eżekuttiv tas-soċjetà fejn infurmah bit-tkeċċija tieghu b’effett mid-9 ta’ Mejju 2018 għal raġunijiet ta’ saħħa.

L-impjegat sostna li l-aġir tas-socjeta ma kienx raġjonevoli kemm rigward it-talba għal estenzjoni tas-sick leave kif ukoll meta mingħajr forma ta’ ebda diskussjoni qabdu u keċċewh kiesaħ u biered. Fl-ewwel 10 snin ta’ l-impjieg il-vittma ma kellu l-ebda problema mal-Fondazzjoni. Il-problemi bdew fl-aħħar sentejn ta’ l-impjieg meta kien riesaq lejn l-età tal-irtirar.

Ir-responsabbilitajiet tiegħu kienu diversi għax kien il-persuna fuq is-sit ta’ proġetti ta’ diversi skejjel u kien irid jara li dawn il-proġetti jitlestew fil-ħin stipulat. Il-Management tas-soċjetà kellu tibdil sostanzjali fl-aħħar tliet snin ta’ l-impjieg tiegħu.

Kienu anke nbidlu tliet Kapijiet Eżekuttivi. F’dan l-aħħar perjodu tal-impjieg tiegħu, meta kien hemm tibdil kontinwu fil-Management huwa kien ingħata żewġ warnings rigward imġieba u attitudni. Dawn ma kienux ta’ natura gravi. Kienu jirrigwardjaw xi nuqqasijiet dwar struzzjonijiet.

Fix-xhieda tiegħu r-raġel tenna li f’dan il-perjodu ma kienx isib koperazzjoni minn ta’ fuqu u ħafna drabi kien jitħalla waħdu biex jieħu ċerti deċiżjonijiet li ma kienux kompitu tiegħu. Dawn iċ-ċirkostanzi aggravaw u ħallew effett fuq saħħtu tant li ħareġ fuq sick leave.

Kien ukoll iċċertifikat minn psikjatra. It-Tribunal presedut miċ-Chairman Edmund Tabone qal t-talba tal-estensjoni tas-sick leave ma ġietx ikkonsidrata b’mod xieraq fejn l-ewwel tigġ kkonsidrata s-saħħa tal-ħaddiem u l-evidenza medika fattwali provduta, iżda ġiet ikkonsidrata biss fuq eżiġenzi tax-xogħol.

Ingħad ukoll li matul il-proċess is-socjetà ma ġabet l-ebda prova li r-raġel ma kienx ġenwinament ma jiflaħx u ġie njorat kif saret it-tkecċċja propja, jiġifieri fuq talba għal estensjoni tas-sick leave u ppruvat targumenta fuq ċerti nuqqasijiet tiegħu li fil-verità ma wasslu għal l-ebda process dixxiplinarju li setgħu wasslu għal tkeċċija mingħajr ebda forma ta’ smiegħ xieraq biex jiddefendi ruħu.

It-Tribunal qal li hemm lok għall-kumpens għar-rikorrent li ġie stabbilit fl-ammont ta’  € 22,000 liema kumpens għandu jithallas fiż-żmien xahar mid-data tad-deċiżjoni.