Internazzjonali

Il-Kenja: Pulizija joqtol sitta – inkluża martu – fi sparatura

Il-pulizija f’dan il-pajjiż qegħdin jinvestigaw każ makabru fejn uffiċjal tal-korp wettaq massakru b’azzarin tat-tip AK-47.

Jidher li l-uffiċjal, l-ewwel, spara tiri fatali lejn il-mara tiegħu imbagħad beda jdur mal-inħawi u jispara lejn kulmin inzerta quddiemu – bir-riżultat li ħalla diversi mejtin u midruba qabel ikkommetta suwiċidju fuq il-post.

Dan kollu  seħħ fis-sigħat bikrin tat-Tlieta fiz-zona ta’ Kabete, qrib il-belt kapitali Nairobi. Wara kien ikkonfermat li l-pulizija spiċċa joqtol sitta ( inkluża martu) – u minnufih bdew l-investigazzjonijiet dwar x’seta wassal għal dan il-massakru kiesaħ u biered.

Fost il-vittmi hemm żewġ sewwieqa tal-muturi li kienu qed jaqdu s-servizzi ta’ taxi;  b’talanqas erba’ midruba jiddaħħlu l-isptar biex ikunu trattati għall-feriti li sofrew fl-isparatura.

Għalkemm l-iskop baqa’ mhux ċar sal-bieraħ, il-pulizija qalu li l-uffiċjal inkwistjoni u martu kienu involuti fi ‘ġlieda domestika’, fost indikazzjonijiet li ż-żwieġ ta’ din il-koppja kien għaddej minn żmien ħażin.

Il-pulizija li wettaq il-massakru, fl-aħħar sigħat, kien identifikat bħala kuntistabbli bl-isem ta’ Benson Imbasi.

Il-kelliema għall-Korp tal-Pulizija kkonfermaw li Imbasi, wara li qatel lil martu, ‘kien spiċċa jispara bħal bniedem miġnun fuq il-persuni innoċenti li nzertaw fil-post ħażin’.