Lokali

“Kull tifel u tifla għandhom valur” – Bernard Grech

Għall-Partit Nazzjonalista kull tifel u tifla għandhom valur, speċjalment dawk li għaddejjin minn diffikultajiet. Dan għaliex kull tifel u tifla għandhom id-dritt li jgħixu f’għożża  u jkunu maħbubin.

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta flimkien ma’ martu AnneMarie għamlu żjara lil KIDs programme mmexxi mill-fondazzjoni Richmond u ppreżentaw xi rigali lil dawn it-tfal.

Mal-wasla tagħhom, huma nltaqgħu bl-iktar mod ferrieħi mit-tfal li bħalissa qed isegwu dan il-programm, flimkien mal-ħaddiema li jieħdu ħsiebhom u jagħtuhom l-appoġġ u l-imħabba kollha li għandhom bżonn.

AnneMarie Grech stqarret li l-ferħ li għaddewlha dawn it-tfal ikompli jimliha b’sodisfazzjon biex taħdem ħalli dawn it-tfal ikollhom id-dinjita li tixirqilhom.

Il-programm residenzjali Kids in development jgħin lil tfal li jesperjenzaw diffikultajiet emozzjonali fl-imġieba tagħhom, fejn il-fondazzjoni Richmond, tgħinhom jiżviluppaw sens ta’ valur personali u li jgħixu b’ambjent sigur.

It-tim li jaħdem ma’ dawn it-tfal huwa magħmul minn numru ta’ professjonisti kif ukoll diversi sapport workers li jaħdmu qatigħ biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar.