Sport Waterpolo

“Ngħin lil Sliema jirritornaw għar-rebħ tal-unuri, hi l-akbar sfida li stajt nieħu bħalissa,” Dino Zammit

(Ritratt: Joseph Galea)

Artiklu: Stewart Said

Intenzjoni ċara minn Sliema Frank Salt li fl-2022 se jisfidaw għar-rebħ tal-unuri. F’dak li hu meqjus bħala l-akbar trasferiment maġġuri ta’ plejer Malti fil-waterpolo lokali fl-aħħar snin, Sliema ħabbru l-akkwist ta’ Dino Zammit mingħand San Ġiljan. Fl-istess trasferiment, Nicholas Bugelli u Nico Schiavone ngħaqdu mal-Ġiljaniżi.

“Ħassejt li kelli nħalli lil San Ġiljan minħabba ċertu raġunijiet personali iżda wkoll għaliex ħassejt li kien wasal żmien għal sfida ġdida fil-karriera tiegħi,” qal Dino Zammit fl-ewwel kumment li għadda lil dan is-sit.

Il-plejer tat-tim nazzjonali Malti sostna li Sliema kien klabb li dejjem wera interess fil-kwalitajiet u rispett fil-konfront tiegħu. “Nemmen ukoll li wara ċertu snin mingħajr unur maġġuri, din se tkun l-akbar sfida li stajt nieħu. Nemmen fil-proġett tal-President Frank Testa u l-kumitat kollu, l-istess kif kont emmint meta mort ma’ San Ġiljan fl-2013 taħt il-Presidenza ta’ Daniel Aquilina.”

Dino Zammit jipprova jikkonkludi fil-lasta (Ritratt: Martin Agius)

Zammit li ftit jiem oħra jagħlaq 27 sena, beda l-karriera ma’ Sirens u minkejja l-età tiegħu dak iż-żmien, kien kiseb post regolari fit-tim minn San Pawl il-Baħar. Fl-2013 hu ngħaqad ma’ San Ġiljan ukoll għal somma importanti u ħalla impatt immedjat.

Dino Zammit daq l-ewwel suċċess lokali meta fl-2015 għen lil San Ġiljan jirritornaw għar-rebħ tal-unuri, bil-kisba tal-kampjonat u n-knock-out, staġun li żgur jibqa’ mfakkar mill-partitarji Ġiljaniżi.

Il-prestazzjonijiet tiegħu wassluh biex fl-2016, kellu esperjenza importanti barra minn xtutna meta lagħab ma’ Vojvodina fis-Serbja. Fis-sena ta’ wara, Zammit kien parti mit-tim dominanti li rebaħ l-erba’ tazzi għad-dispożizzjoni u għamel sensiela ta’ 54 logħba konsekuttiva mingħajr telfa.

Matul dawn l-aħħar snin, Zammit stabilixxa ruħu bħala plejer ewlieni fit-tim Ġiljaniż, mhux biss kapaċi li jsib ix-xibka, iżda wkoll bil-mod kif sar wieħed mill-mexxejja fit-tim.

Zammit se jħalli l-klabb Ġiljaniż b’aktar minn 400 gowl skorjat u bir-rebħ ta’ tliet Kampjonati tas-Sajf, tliet Kampjonati tax-Xitwa, sitt darbiet in-knock-out, erba’ darbiet it-Tazza tal-President u darbtejn l-Enemed Cup għal total ta’ 18-il unur mirbuħ.

(Ritratt: Matthew Tabone)