Ekonomija Lokali

“Prekarjat promoss mill-Istat” – PN

Waqt li l-Ewropa tiddiskuti kif tgħolli l-paga minima, il-Gvern Laburista jżomm eluf ta’ kuntratti fuq paga minima u bla saħħa ta’ negozjar kollettiv

Il-ħaddiem Malti ħaqqu aħjar. Il-Ħaddiem Malti għandu dritt li jidħol għax-xogħol b’aspirazzjoni li jikber fil-ħiliet u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Waqt li fl-Ewropa d-diskussjoni hija dwar kif il-pajjiżi ser jgħollu l-paga minima u jagħtu saħħa lil ħaddiem għal negozjar kollettiv, f’pajjiżna l-Gvern Laburista jippromwovi huwa stess il-pożizzjoni dgħajfa tal-ħaddiem permezz ta’ eluf ta’ kuntratti ‘inviżibbli’ għal xogħol ta servizz pubbliku li iżda jgħaddi tramite kuntratturi privati li jsiru sinjuri minn fuq dahar il-ħaddiem.

Dan qaluh il-Kelliem ewlieni Peter Agius u l-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Ivan Castillo f’messaġġ lill-istampa li għaddew minn quddiem l-Uffiċju tad-Direttur tax-Xogħol fil-Belt Valletta.

Din hija wegħda oħra miksura tla-Partit Laburista li fil-manifest tal-2017 kien imwiegħed ‘JISPIĊĊA X-XOGĦOL PREKARJU’. Din il-pompa kollha, u l-kelma xogħol prekarju lanqas tlissnet darba fil-baġit ta’ din is-sena’ u tas-sena li għaddiet. Il-verita’ llum hija totalment l-oppost ta’ dak li wiegħed il-Parti Laburista, b’eluf ta’ kuntratti li l-ammont tagħhom ma jiġix żvelat fl-intier tiegħu ma’ kuntratturi privati li fil-fatt jintużaw f’ servizzi pubbliċi mill-immaniġjar tal-iskart sa servizzi ta toroq u trasport u servizzi oħrajn.

‘Dawn l-eluf ta’ ħaddiema Maltin jinsabu f’postijiet tax-xogħol ta’ servizz pubbliku iżda jitħallsu bil-prekarjat, bla arranġamenti ta’ union jew ftehim kollettiv, ta’ spiss bla ebda pjan ta’ taħriġ fuq il-ħiliet tagħhom u ta’ spiss ukoll bil-paga tagħhom li tkun sa 1000 euro anqas minn ta’ ħaddiem ieħor tal-post fis-servizz pubbliku għall-istess xogħol.’ qal Peter Agius

‘Il-Gvern bħalissa huwa l-awtur ta’ skema li effettivament tibbajpassja r-regoli u l-liġijiet tax-xogħol. Dan rajnieħ ċar meta ammetta li l-ħaddiema tla-kuntratt ma kienux qed jitħallsu aktar tal-ħdud u festi, tant li kellu jindirizzaha fl-aħħar baġit. Il-Liġi Maltija ilha żmien tipprojbixxi l-prattika li saret ir-regola taħt il-labour. Il-Gvern qed jippromwovi l-ksur tal-liġi tax-xogħol!. qal Ivan Castillo.

Il-Labour qed jikser bl-aktar mod sfaċċat ukoll il-prinċipju tal-‘EQUAL PAY FOR EQUAL WORK’ li mhux biss huwa stabbilit fil-liġi Maltija u Ewropea, iżda wkoll kien espressament imwiegħed fil-Manifest Elettorali tal-‘AQWA ŻMIEN’ fl-2017 fejn il-PL qal li ‘Ħadd m’għandu jiġi sfruttat u jitħallas anqas minn min qiegħed jagħmel l-istess xogħol, għall-ebda raġuni.’ Il-verita llum turi li huwa l-gvern stess li qed jippromwovi l-ksur ta’ dan il-prinċiupju bl-arranġamenti moħbija li għandu ma kuntratturi privati li qed isiru sinjuri minn fuq l-eluf tla-ħaddiema b’kuntratti prekarji.