Coronavirus Lokali

“Problemi sinifikanti” biex l-NAO janalizza s-sistema tal-vouchers

Waqt l-analiżi dwar kif ħadmet is-sistema tal-vouchers tal-Covid, l-NAO iltaqa’ ma’ problemi sinifikanti.

Hekk stqarr l-Awditur Ġenerali meta analizza l-mod kif tħaddmet din is-sistema li swiet lill-pajjiż mal-€45 miljun.

Fir-rapport tiegħu, l-NAO jikkonferma li waqt l-analiżi sab informazzjoni nieqsa jew mhux kompleta. U meta għamel ir-rikonċiljazzjoni tal-vouchers…il-proċess kien kważi għalxejn, għaliex data biżejjed ma kienx hemm.

Għalkemm is-sistema tal-vouchers kienet imħaddma mill-MIMCOL, kien il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri illi mbotta ‘l quddiem b’tant pompa din l-iskema.

X’qed jiġri f’Festivals Malta?

L-Awditur kellu wkoll kliem iebes għad-direct orders li qed jinħarġu b’mod ripetut minn Festivals Malta – prassi li qed issir ukoll mill-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali u mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni li jaqa’ taħt il-Ministru Justyne Caruana.

L-NAO qed jgħid li f’dawn l-entitajiet qed jinkisru r-regoli bil-mod kif jinħarġu d-direct orders.

L-Awditur jikkundanna wkoll in-nefqiet eżaġerati li qed isir mill-Malta Film Commission – flus li qed jintefqu mill-fondi pubbliċi.