Lokali Qorti

Tliet ħaddiema mogħtija €39,500 fuq tkeċċija inġusta

It-Tribunal Industrijali preseduta mill-Avukat Anna Mallia ordna biex aġenzija tar-reklamar tgħaddi s-somma ta’ €39,500 lil tliet ħaddiema wara li ddikjarat li dawn tkeċċew inġustament u bi ksur ċar tal-liġi. Żewġt irġiel u mara, li kienu jaħdmu bħala disinjaturi kellhom l-impieg tagħhom mitmum u fetħu kawża kontra l-kumpanija J.P. Advertising b’mod separat .

Madankollu l-każ kien wieħed simili bil-provi  japplikaw għat-tliet każijiet. Huma rrimarkaw li f’Novembru ta’ sitt snin ilu d-Diretturi tal-kumpanija infurmawhom li l-kumpanija kienet se tingħaqad mal-kumpanija Visual Trends. It-tliet ħaddiema kienu nfurmaw mill-ewwel lid-Diretturi li ma kinux jaqblu ma’ din l-amalgamazzjoni.

Tennew li wara l-ħaddiema li ġew mill-kumpanija Visula Trends bdew jiġu aġevolati u lmentaw li x-xogħol ma kienx qed jitqassam sew. Huma spiċċaw tkeċċew mill-impjieg tagħhom f’Marzu tal-2017.. Fix-xhieda li taw qalu li l-kumpanija ma mxietx mal-prinċipju tal-‘last in, first out’ u għalhekk tkeċċew kontra n-norma tax-xogħol. Il-kumpanija qalet li kienet qed topera b’telf u kien hemm bżonn ta’ ristrutturar li fih tneħħew ċertu rwoli.

Wara li sema’ l-provi, it-Tribunal Industrijali qal li mas-sħubija, il-kumpanija J.P. Advertising tat promozzjonijiet lill-ħaddiema li ġew trasferiti mill-Visual Trends “sabiex mingħaliha tiġġustifika t-tkeċċijiet ta’ dawn it-tliet ħaddiema li minn dejjem kienu magħha”.

It-Tribunal qal li għalkemm min imexxi seta’ kellu aktar fiduċja fil-ħaddiema ta’ Visual Trends, dan ma jiġġustifikax dak li sar, dik li jingħataw il-ġemb t-tliet ħaddiema li tkeċċew biex ikunu aġevolati oħrajn.

It-Tribunal qal li l-ħaddiema ġew ordnati jitilqu mill-post tax-xogħol dak il-ħin stess bla ma ġew offruti xogħol alternattiv. Fl-istess waqt ma ngħatatx spjegazzjoni għaliex tkeċċew u lanqas ingħataw l-għażla li jaħdmu l-perjodu tan-notice.

Hekk kif ġie ddikjara li t-tkeċċijiet saru inġustament, it-Tribunal ordna lil J.P. Advertising tagħti kumpens ta’ €15,000, €14,500 lil Hili u €10,000 f’kumpens rispettivament. L-Avukat Paul Gonzi deher għall-ħaddiema  fiwaqt li għall-kumpanija deher l-Avukat Andrew Borg Cardona.