Internazzjonali

Ukrajna: Il-Punent iħeġġeġ biex ir-Russja tnaqqas il-pressjoni

Il-potenzi tal-Punent sejħu biex ir-Russja tnaqqas il-livell allarmanti ta’ tensjoni li żviluppat mal-Ukrajna — bis-sejħa tasal qabel video call li se jsir bejn il-President Russu Vladimir Putin u l-President tal-Istati Uniti Joe Biden.

Il-Punent qed jinkwieta li l-qawwiet militari Russi jispiċċaw jinvadu lill-Ukrajna ‘minn ħin għall-ieħor’ u l-President Biden qabel mal-Mexxejja tar-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Italja ‘li jridu jintużaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom’ biex l-invażjoni ma sseħħx. Dan waqt li r-Russja għadha tiċħad li qed taħseb f’xi forma ta’ aggressjoni fil-konfront tal-Ukrajna.

Sadanittant, ir-Russja trasferiet eluf ta’ truppi lejn il-fruntiera mal-Ukrajna lejn in-nofsinar, bil-kelliema Ukreni jirreferu wkoll ‘għall-movimenti ta’ tankijiet tal-gwerra tar-Russi’ fiz-zona tal-gwerra (fl-Ukrajna) li rat numru kbir ta’ konfronti bejn il-qawwiet ta’Kiev u l-militanti separatisti li qed jappoġġjaw lil Moska.

Jidher, intant, li l-Istati Uniti mgħandhiex tirrikorri għal azzjoni militari f’każ ta’ ‘invażjoni tal-Ukrajna’ u minflok għandha tirrikorri għal sanzjonijiet ekonomiċi riġidi fil-konfront tar-Russja.

Ir-rapporti qalu li l-mexxejja tal-Punent ingħaqdu fi strateġija komuni biex jimponu l-miżuri li jaffettwaw  ‘ħsara sinifikanti’ għall-ekonomija tar-Russi f’każ li t-truppi ta’ Moska jidħlu fl-artijiet tal-Ukreni. Il-pajjiżi inkwistjoni anki kkonfermaw l-appoġġ tagħhom għall-integrità territorjali tal-Ukrajna.