Internazzjonali

Covid-19: Il-vaċċini għandhom ‘jaħdmu’ kontra l-Omicron….Perjodu skomdu għal Boris Johnson

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-vaċċini prodotti għal kontra l-Covid għandhom jipproteġu xorta lin-nies infettati mill-varjant ġdid Afrikan – Omicron – u fejn jevitawlhom il-mard serju.

Dan ħareġ waqt li l-ewwel testijiet għall-varjant ġdid fil-laboratorju indikaw li l-Omicron kapaċi ‘jevita’ it-tilqima tal- vaċċin Pfizer. Ir-riċerkaturi qalu li f’dan il-każ, l-antibodies fil-ġisem ma kenux daqstant effettivi biex jinnewtralizzaw l-effetti tal-varjant ġdid. Madankollu, il-Professur Alex Sigal, viroloġista mal-Istitut tar-Riċerka Afrikan dwar is-Saħħa Pubblika, qal li ‘xorta għad hemm dubju’ dwar il-kapaċità tal-Omicron biex jiżgiċċa lill-antibodies tal-vaċċin.

Fl-istess ħin, Mike Ryan, kelliem għall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, qal li ma hemmx sinjali l-Omicron se ‘jevita aktar’ lill-vaċċini mill-varjanti l-oħra.

Ryan faħħar il-vaċċini bħala effettivi ferm kontra l-varjanti u fejn evitaw li ħafna nies infettati jispiċċaw l-isptar bil-mard serju. ‘Mhemmx raġuni għalfejn nemmnu li l-vaċċini mhumiex se jirreżistu anki għall-Omicron’, kien il-kumment finali ta’ Mike Ryan, li hu d-direttur tal-WHO għall-emerġenzi.,

L-espert kompla li l-ewwel data qed tindika li l-Omicron ma tmarradx lin-nies aktar mid-Delta u varjanti oħra tal-Covid u sostna li dan il-virus ġdid, fil-fatt, ‘għandu tendenza li ma jħallix impatt daqshekk sever fil-persuna infettata’.

Fi żviluppi oħra, l-Ufficcju tal-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson spiċċa mira għall-istampa wara li ġie żvelat party sigriet tal-Milied li kien sar is-sena l-oħra f’Downing Street – l-uffiċċju ta’ Boris Johnson – waqt il-lockdown. Dan meta r-regoli tal-Covid kienu jiprojbixxu li jsiru l-avvenimenti socjali.

Fl-aħħar sigħat Johnson talab apoloġija dwar video li wera lill-membri tal-istaff ta’ Downing Street qegħdin jiċċajtaw dwar il-party inkwistjoni. Il-Prim Ministru qal li ‘iħossu rrabjat daqs il-pubbliku Britanniku’ waqt li ordna inkjesta dwar jekk inkistrux ir-regoli ‘sagrosanti’ dwar is-saħħa.

Madankollu, numru kbir ta’ deputati kritikaw lil Johnson fil-Parlament – bil-Prim Ministru ‘jassumi responsabbiltà għal kull azzjoni tal-Gvern tiegħu’.

Iżda waqt l-apoloġija, Johnson issuġġerixxa li ‘kien spiċċa mqarraq’ dwar il-festin tal-Milied li seħħ fit-18 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra. Hu tenna li l-uffiċjali f’Downing Street kienu aċċertawh diversi drabi li l-festin ma seħħx u li ma nkisru l-ebda regoli. Dan meta Downing Street ilu l-aħħar jiem jiċħad li l-festin kien seħħ tassew.