Lokali

€431,847 miġbura fil-Maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-PN

Matul il-Maratona Ġbir ta’ Fondi li organizza l-Partit Nazzjonalista matul il-jum tal-Erbgħa nġabret is-somma sabiħa ta’ €431,847. Dan ifisser li matul is-sena 2021, il-PN ġabar total ta’ €1,425,784 mill-Maratoni ġbir ta’ fondi li ġew organizzati. Matul din il-Maratona, eluf ta’ Maltin u Għawdxin taw l-appoġġ finanzjarju tagħhom biex pajjiżna jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba u biex il-ħidma tkun tista’ ssir bl-aħjar mod possibbli.

F’intervent matul l-attvità, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit immexxi minnu jemmen f’Parlament li għandu jilleġiżla biss biex tissaħħaħ is-soċjetà u mhux biex partit politiku joħloq diversiv fuq issues urġenti, lejlet elezzjoni ġenerali.

Bernard Grech fakkar kif il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qed jappella lill-Ispeaker biex tingħata prijorità lill-petizzjoni li appellat lill-Gvern biex iressaq emendi qabel ma tgħaddi l-Liġi dwar l-Użu tal-Kannabis.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib tiegħu wkoll għall-mod kif is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna qed tfalli u l-uniku mod kif Robert Abela qed iżomm il-qgħad f’livell baxx hu billi jqassam imjiegi bl-addoċċ fiċ-Ċivil.

Hu għalhekk li Gvern ġdid immexxi minnu jara li l-pagi tal-għalliema jiżdiedu biex jirriflettu r-responsabbiltà kbira ta’ xogħolhom, jirrevedi l-kurrikula, ibiddel il-ħsieb fit-tagħlim ta’ ċerti suġġetti – bħall-Istorja, il-Ġografija, l-Istudji Soċjali u l-lingwi – isaħħaħ l-apprentistat u t-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll isaħħaħ l-istruttura għal ambjent aktar komdu.

Hu tkellem dwar il-fatt li 70 fil-mija taż-żgħażagħ qalu li jridu jitilqu minn pajjiżna għax dan qed isir anqas attraenti biex jgħixu fih, fejn qal li dan iweġġa’ lill-familji tagħhom. Għaldaqstant, hu qal li pajjiżna jixraqlu Gvern li jista’ jdawwar l-affarijiet u jibda joħloq it-tama.

Dwar il-pandemija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu importanti li kemm jista’ jkun nies jieħdu l-vaċċin u l-booster, li fissirhom bħala vitali biex jissalvaw il-ħajjiet filwaqt li jippermettulna nkomplu ngħixu ħajja bl-aħjar mod normali possibbli.

Fakkar kif imn’Alla pajjiżna hu Membru Sħiħ fl-Unjoni Ewropea li stajna niksbu provvista tajba ta’ vaċċin. Min-naħa l-oħra, qal li issa hu d-dmir tal-Gvern biex jara li l-istabbilimenti tal-catering u setturi oħrajn ikunu assistiti għall-isfidi li ġab miegħu l-Covid-19.

Għaldaqstant, Bernard Grech qal li l-Gvern għandu jestendi l-Wage Supplements mill-anqas sa Marzu, partikolarment għas-setturi li għadhom qed jintlaqtu. U jekk ma jagħmilx dan, għandu almenu jikkunsidra l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li l-VAT għar-ristoranti u s-servizzi tal-lukandi tinżel għal 7 fil-mija.

Dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, Bernard Grech qal li f’moħħ in-nies, illum ftit li xejn hemm dubju li l-Gvern hu korrott. Dan joħroġ fiċ-ċar ukoll bil-mod kif – minflok jiddedika 100 miljun ewro fuq il-kura tas-saħħa – aċċetta li jekk jitħassar il-kuntratt mal-Vitals, dawn jitħallsu lill-kumpanija barranija li qed tmexxi t-tliet sptarijiet pubbliċi.

Quddiem il-ħidma li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li l-Partit irid ikompli jimbotta l-ideat tal-poplu tagħna u jżomm lill-Gvern Laburisa fuq saqajh. Għaldaqstant hu spjega kif l-għajnuna finanzjarja ta’ din il-Maratona hi bżonnjuża.

Mistoqsi dwar id-distakk li l-istħarriġ qed juri li hemm bejn iż-żewġ partiti politiċi, hu qal li qed jaħdem lejl u nhar biex ikun il-vuċi tan-nies quddiem Gvern li jinjorak fil-mument tal-bżonn, iżda li lest jipprova jixtrik.

U dwar żmien il-Festi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ħsibijietu jmorru għal dawk li kellhom sena iebsa, fosthom fosthom minħabba mard jew imwiet, dawk li huma mingħajr dar, kif ukoll l-anzjani li jħossuhom waħedhom jew it-tfal li m’għandhomx familji.