Lokali

Iċċelebrata l-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni

Il-Knisja Kattolika, l-Erbgħa iċċelebrat il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni – domma tal-Knisja Kattolika pproklamata mill-Papa Piju 9 fit-8 ta’ Diċembru tal-1854.

F’pajjiżna, din il-Festa tkun iċċelebrata partikolarment fil-Belt Cospicua, fejn fil-Knisja Kolleġġjata inżammet il-Quddiesa Solenni mmexxija mill-Arċipriet, il-Kanonku Emmanuel Schembri, bis-sehem tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata u bil-Paniġierku minsuġ mill-Monsinjur Karm Refalo, Arċipriet tax-Xagħra Għawdex. Wara l-Quddiesa tkantat ukoll l-Antifona.

Għaliha attendew fost l-oħrajn l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech akkumpanjat minn martu Annemarie, flimkien ma’ diversi Deputati, Kandidati u Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista.

F’pajjiżna, din il-Festa hi ċċelebrata fi tliet Parroċċi ddedikati lill-Immakulata Kunċizzjoni: f’Bormla, fil-Ħamrun u f’Tal-Ibraġġ. Iżda l-Festa tat-8 ta’ Dicembru tkun iccelebrata wkoll b’solennità anke f’lokalitajiet oħrajn, inkluż fir-Rabat Ghawdex.

Din is-sena, minħabba l-pandemija, ma setgħux ikunu ċċelebrati festi esterni, għalkemm it-toroq xorta iżżejnu bil-libsa tal-Festa.

Sadanittant, wara li attenda għall-Quddiesa Solenni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar diversi każini, filwaqt li ltaqa’ ma diversi Bormliżi waqt li tkellem magħhom fost l-oħrajn dwar kif għal darbo’oħra sfortunatament din il-Festa kellha tiġi ċċelebrata b’mod differenti minħabba l-pandemija tal-Covid-19.