Festi Knisja Kultura Lokali Mużika

Il-Banda San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq issellem lis-sena Ġużeppina b’2 kunċerti

Kienet ilha tberren f’moħħ il-kumitat tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp u tas-Surmast Direttur tagħha, Mro. Reno Busuttil, biex jiġi esegwit oratorju fuq il-ħajja tal-Patrun tal-Għaqda, San Ġużepp.

Il-ħidma għal dan l-oratorju bdiet daqs sentejn ilu, meta membri mill-kumitat flimkien mas-Surmast avviċċinaw lill-Maestro Ray Sciberras sabiex jikkomponi l-mużika għal din l-idea. Wara qbil mal-istess surmast Sciberras, il-lirika ġiet afdata f’ idejn il-kittieb, Sebastian Saliba.

Kien għalhekk li nhar is-Sibt li għadda, il-Banda San Ġużepp esegwixxiet il-premiere ta’ dan l-Oratorju oriġinali bl-isem ta’ “Ġużeppi, Kieku taf!” fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl tal-Imdina taħt id-direzzjoni tas-Surmast Reno Busuttil.

Dan iż-żmien intgħażel sabiex l-Għaqda issellem lis-Sena Ġużeppina, iddikjarat mill-Papa Franġisku fit-8 ta’ Diċembru 2020, biex b’hekk, il-banda tkun daqqet fiż-2 Katidrali tal-gżejjer Maltin, hekk kif kienet esegwiet Akkademja Mużikali fil-Katidral tal-gżira Għawdxija fl-okkażjoni tat-tlestija mir-restawr tal-istatwa devota ta’ San Ġużepp f’Jannar li għadda.

Fl-Imdina, flimkien mal-banda ħadu sehem it-Tenur Charles Vincenti, is-Soprano Rosabelle Bianchi, u Treble Solo Gianluca Zammit. Ma’ dawn ingħaqdu wkoll il-Harmonic Ensemble Children’s Choir immexxi minn Mro Joseph Circop u s-Sinjura Ritienne Azzopardi flimkien mal-kor Mirabitur, immexxi minn Mro Mario Attard. Dan l-Oratorju ttella’ b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti taħt il-programm Investment fl-Organizzazzjonijiet Kulturali.

Intant, l-Għaqda Mużikali San Ġużepp illejla tkompli bil-programm imħejji tagħha, fejn għal darb’ oħra l-banda tagħha, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Reno Busuttil se tkompli bl-impenji tagħha b’ Akkademja Mużikali bl-isem ‘Fuq il-Passi ta’ Ġużeppi’ fil-Knisja ta’ Ħal Għaxaq fit-8 ta’ filgħaxija. Għal din l-okkażjoni speċjali, għar-raba’ darba f’dis-sena, il-vara devota u artistika ta’ San Ġużepp se tkun esposta għall-qima fil-knisja tal-Għaxqin.