Internazzjonali

Il-Ġermanja: Olaf Scholz jieħu r-riedni tal-pajjiż mingħand Angela Merkel

 

Olaf Scholz fl-aħħar sigħat ħa l-ġurament bħala l-Kanċillier ġdid tal-Ġermanja, bl-iżviluppi jfissru konklużjoni uffiċjali tas-sittax-il sena ta’ Angela Merkel bħala mexxejja tal-pajjiż. Intant, Angela Merkel qed ittemm ukoll karriera politika twila li damet għal 31 sena.

Wara l-amministrazzjoni preċedenti li kienet ilha mill-bidu tad-disgħinijiet — u li fiha seħħew il-bidliet storiċi u sinifikanti għall-pajjiż — Scholz u l-Kabinett tiegħu qegħdin jiffaċċjaw żmien xejn anqas impenjattiv u importanti għall-Ġermanja.

Il-konferma ta’ Scholz saret minn vot fil-Parlament fejn il-koalizzjoni ta’ Scholz – magħmul minn tliet partiti – għandha maġġoranza sostanzjali.

Għaldaqstant, is-Soċjal Demokratiċi taċ-ċentru-xellug, bħala l-partit ta’ Scholz, se jiggvernaw lill-Ġermanja flimkien mal-Ħodor u l-Partit tad-Demokratiċi Ħielsa – jew l-kif inhuma magħrufa aħjar, l-FDP ta’ Wolfgang Lindner, li huma favur il-kummerċ ħieles.

Olaf Scholz, li għandu 63 sena, mexxa lis-Soċjali Demokratiċi għar-rebħa elettorali ta’ Settembru u meta kien diġà magħruf li hu kellu jieħu t-tmun tal-Ġermanja bħala l-‘kandidat ta’ kontinwità’ wara li serva bħala l-Viċi-Kanċillier ta’ Merkel.

Fl-aħħar sigħat, il-Parlament Ġermaniż – il-Bundestag – appoġġja lil Scholz bħala Prim Ministru, bil-President tal-Ġermanja, Frank-Walter Steinmeier, jaħtar formalment lil Scholz bħala d-disa’ Kanċillier federali tal-pajjiż. Olaf Scholz, imbagħad, ħa l-ġurament uffiċjali fil-Bundestag, fejn ingħata ovazzjoni kbira.

Mindu rebaħ l-elezzjoni, il-partit ta’ Scholz ħadem mill-qrib mal-Ħodor u l-FSP fir-rigward ta’ koalizzjoni – u li huma ffirmaw nhar it-Tlieta.

Il-Kabinett ta’ Scholz, sadanittant, hu magħmul minn sittax-il membru u fejn hemm numru ugwali ta’ irġiel u nisa.

Fl-istess ħin. il-Gvern ġdid tal-Ġermanja għandu pjani ambizzjużi biex jiġġieled kontra l-bidliet fil-klima. Dan fost il-pjani biex jieqfu l-proġetti li jiddependu fuq il-faħam u bil-pajjiż jikkonċentra ferm aktar fuq l-enerġija rinovabbli.

Intant, il-priorità immedjata tal-Gvern ġdid se tinvolvi l-programmi attwali lejn it-trażżin tal-Covid-19 u l-varjant Afrikan ġdid ( Omicron) – bl-awtoritajiet tas-saħħa Ġermaniżi jirreġistraw qrib is-70,000 infezzjoni u 527 mewta ġdida f’perjodu ta’ 24 siegħa. L-aħħar ċifri relatati għall-Covid fil-Ġermanja jindikaw ‘l-akbar impatt tal-virus (fil-pajjiż) għal jum wieħed’ mix-xitwa li għaddiet.