Lokali

Imnedija l-inizjattiva ġbir ta’ fondi għall-mużajk tal-arma tal-PN

“Kun parti mill-mużajk ta’ suċċess tal-Partit Nazzjonalista.” Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista hekk kif ġiet imnedija l-inizjattiva għall-mużajk tal-arma tal-Partit Nazzjonalista, mużajk li se jkun magħmul minn 2,000 biċċa tal-fuħħar u maħduma mill-Mediterranean Ceramics ta’ Ta’ Qali.

Dan tħabbar waqt il-Maratona Ġbir ta’ Fondi li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista, maratona li preżentament għaddejja ġmielha bil-għan li jkompli jissaħħaħ il-messaġġ tal-partit favur Bidla b’Viżjoni.

L-arma li se tkun qed titwaħħal fl-entrata tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, aktar ‘il quddiem se tkun qed tiġi ppreżentata mill-Kap tal-PN f’lejla speċjali.

Kull min se jagħti donazzjoni ta’ €500 bħala kontribut se jkun qiegħed jixtri, b’mod simboliku, parti mill-mużajk li jfassal din l-arma tant għal qalb bosta. Bħala rikonoxximent sussegwentament il-Kap tal-PN Bernard Grech se jkun qiegħed jibgħat ċertifikat ta’ ringrazzjament.

Din l-arma taf id-disinn oriġinali tagħha lil Vincenzo Bonello, bil-kuruna tissimbolizza l-indipendenza u sovranità…bl-iswed huwa l-kuraġġ u l-aħmar id-demm li ċarċru dawk ta’ qabilna.

Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi tibqa’ għaddejja sa tard illejla u qed tixxandar fuq NET Television, NET FM kif ukoll fuq Facebook, b’aġġornamenti regolari fuq NETnews.com.mt.