Lokali

Il-poplu qed jilqa’ l-appell tal-PN għall-għajnuna matul il-Maratona Ġbir ta’ Fondi

Għaddejja ġmielha l-Maratona Ġbir ta’ Fondi li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista biex ikompli jissaħħaħ u jwassal il-messaġġ tiegħu favur Bidla b’Viżjoni.

Maratona li matulha, il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lil dawk li verament iridu jaraw li pajjiżna jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba, biex jesprimu l-appoġġ tagħhom, anke finanzjarjament, ħalli l-ħidma tkun tista’ ssir bl-aħjar mod possibbli.

Il-Maratona nfetħet mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, li qal li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn il-ftit mingħand il-ħafna biex ikompli jorganizza ruħu u jipprovdi l-aqwa messaġġ possibbli.

Min-naħa tiegħu, it-Teżorier Mario Ellul fakkar f’kemm il-Partit Nazzjonalista ta għall-pajjiż kollu u għalhekk, dan hu ċ-ċans li l-poplu jwassal messaġġ ta’ ringrazzjament bid-donazzjoni tiegħu.

F’intervent matul l-attvità, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit immexxi minnu jemmen f’Parlament li għandu jilleġiżla biss biex tissaħħaħ is-soċjetà u mhux biex partit politiku joħloq diversiv fuq issues urġenti, lejlet elezzjoni ġenerali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib tiegħu wkoll għall-mod kif is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna qed tfalli u l-uniku mod kif Robert Abela qed iżomm il-qgħad f’livell baxx hu billi jqassam imjiegi bl-addoċċ fiċ-Ċivil.

Matul il-maratona għamel l-intervent tiegħu is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino fejn irringrazzja lill-ħaddiema kollha u l-attivisti għall-ħidma tagħhom. Huwa saħaq li kampanja elettorali, li dalwaqt tibda, tirrikjedi ħafna flus li l-Partit Nazzjonalista jista’ jiġborom biss mingħand nies ta’ rieda tajba u li jixtieq bidla għal kuntrarju tal-Gvern li diġa nefaq aktar minn nofs miljun ewro biex iwassal il-messaġġ tiegħu… mit-taxxi tal-poplu. Huwa appella wkoll sabiex flimkien nagħmlu l-politika tal-partit u noffru viżjoni u alternattiva lil pajjiż.

Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi tibqa’ għaddejja sa tard illejla u se tixxandar fuq NET Television, NET FM u anke fuq Facebook, b’aġġornamenti regolari fuq NETnews.com.mt.