Enerġija Lokali

Aktar taħwid fis-settur tal-enerġija

Il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli rrifjutat li tgħid kemm se nħallsu fi spejjeż ta’ kumpens lill-Electrogas talli se jinbena pipeline tal-gass li se jkun immexxi mill-Gvern. Dawn l-ispejjeż jistgħu jwasslu għal miljuni ta’ ewro mill-bwiet tal-familji Maltin iżda meta affaċjata bid-domandi tal-ġurnalisti, Dalli qalet li ċ-ċifra ta’ €100 miljun li qed tissemma hija skorretta.

Il-Ministru spjegat li Electrogas se tirċievi ħlas ġust għall-assi tagħhom ladarba jitlesta l-pipeline tal-gas iżda ma tatx aktar dettalji dwar dawn il-flejjes li rridu nħallsu minħabba ftehim li l-Partit Laburista stess għamel mal-Electrogas, ftehim li kien iffirmat meta l-Labour tela’ fil-Gvern.

Skont dettalji li jinsabu fuq il-kuntratti tal-Electrogas, it-terminazzjoni tal-kuntratt li mistennija ssir fl-2028 se twassal għal ħlas ta’ madwar €64 miljun bħala kumpens iżda l-Ministru Dalli rrifjutat li tikkonferma dan l-ammont. Hi saħqet li r-realtà hi li mingħajr dan il-pipeline se nkomplu nħallsu ħafna aktar flus kull sena u qalet li tippreferi tinvesti f’pipeline lest għall-idroġenu.

Apparti li dan il-proġett ta’ Miriam Dalli jġib ħafna mistoqsijiet dwar il-wegħdi tal-Partit Laburista li t-tanker tal-gas mal-Electrogas kien se jraħħas il-kontijiet, u filwaqt li hemm mistoqsijiet dwar kemm dan il-proġett jikkwalifika għall-fondi tal-UE, il-proġett qed isib reżistenza qawwija mill-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Filfatt, fl-aħħar sigħat, iben il-ġurnalista assassinata, Matthew Caruana Galizia, spjega kif dan il-pipeline tal-Labour se jkun qed iħalli ħafna flus fil-but tal-persuna li huwa akkużat kompliċi fil-qtil ta’ ommu, dan meta kien qed jirreferi għal Yorgen Fenech. Hu saħaq li l-għajnuna finanzjarja mill-UE għal dan il-proġett, tmur kontra l-prinċipji tal-moralità u l-ġustizzja.