Lokali Saħħa

“Bħala tabib il-parir ikun biex ma tieħux kannabis” – Chris Fearne

Il-Ministru qed jagħti parir kontra l-kannabis iżda se jivvota favur il-liġi

Tikber il-kontroversja – filli jgħidilna li jaqbel mal-liġi; u issa qed jikkonferma li l-ħaxixa tagħmel il-ħsara.

“Fejn jidħol l-użu tal-Kannabis jiena bħala tabib lill-pazjenti tiegħi dejjem tajthom parir biex ma jixorbux, biex ma jpejjpux u issa wkoll bħala tabib il-parir ikun biex ma tieħux kannabis.” – Hija din id-dikjarazzjoni tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne illi issa jagħti parir biex ħadd ma jikkonsma l-kannabis, filwaqt li xorta se jivvota favur il-liġi li issa se taghti permess ghal min irid ikabbar u jpejjep din il-pjanta f’ammonti kbar. Chris Fearne li huwa professjonist fil-qasam mediku kien qed iwieġeb għall-mistoqsija tal-ġurnalisti dwar il-liġi tal-Kannabis li qed jimbotta l-Gvern Laburista.

Il-legalizzazzjoni tal-ħaxixa li jrid idaħħal Robert Abela, u li għaliha mhux se jħalli lid-deputati tiegħu jivvutaw b’mod liberu, qed toħloq kontroversja kbira fil-pajjiż. U dak li l-PL irid li tkun in-norma f’pajjizna, qed isib l-oppożizzjoni ta’ numru kbir ta’ akkademiċi u professjonisti fis-settur mediku. Ħafna NGOs ukoll tkellmu kontra din il-liġi.

U filwaqt li fl-aħħar sigħat smajna l-verżjoni tad-Deputat Prim Ministru, id-domandi li Net News bagħat lis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci għadhom sal-lum mhux imwieġba. Wara aktar minn ġimgħa, il-Professur Gauci għadha ma weġbitx jekk taqbilx jew le mal-legalizzazzjoni tal-Kannabis f’Malta.