Internazzjonali

Iċ-Ċina saret l-aktar pajjiż magħruf għall-ħtif ta’ ġurnalisti

Skont analiżi ġdida tal-grupp Reporters Without Borders (RSF) iċ-Ċina saret l-aktar pajjiż magħruf għall-ħtif arbitrarju ta’ ġurnalisti – u meta bħalissa, fil-pajjiż, qed jinżammu madwar 130 membru tal-istampa.

Ir-rapport tenna li ċ-Ċina qed twettaq ‘kampanja ta’ ripressjon bla preċedent u fuq livell globali’ kontra l-ġurnaliżmu ħieles. Intant, il-Gvern komunista f’Beijing iġġustifika l-arrest ta’ ġurnalisti ċivili bl-akkużi li ‘dawn kienu qed jipprovokaw l-inkwiet’.

Il-grupp ‘Reporters’ innota wkoll li r-restrizzjonijiet għall-istampa fiċ-Ċina saru dejjem aktar riġidi mill-bidu tal-pandemija. Dan meta talanqas għaxar ġurnalisti u persuni li jikkummentaw online spiċċaw arrestati wara li rappurtaw dwar il-kriżi tal-Covid-19 li feġġet fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan.

Waħda minn dawn, Zhang Zhan, kienet ivvjaġġat lejn Wuhan fi Frar tal-2020 u wara li hi qrat messaġġ online li kien bagħat resident waqt li l-belt tiegħu kienet maħkuma mill-pandemija.Ladarba waslet hemm, hi bdiet tiddokumenta dak li bdiet tara fit-toroq u fl-isptarijiet permezz ta’ livestreams – bl-awtoritajiet komunisti ma jieqfux mit-theddid fil-konfront tagħha.

Intant, ir-rapporti ta’ Zhang Zhan kienu ċċirkulati sew fuq il-media soċjali – bl-awtoritajiet Ċiniżi,’il quddiem, jiddikjarawha ħatja bħala ‘xprun ta’ diżgwid’.

L-akkuża tintuża kemm-il darba kontra attivisti u whistleblowers Ċiniżi meqjusa li qed itellfu l-isforzi ta’ Beijing biex jikkontrolla l-informazzjoni fil-pajjiż.

Ir-rapport jelenka wkoll il-metodi tal-awtoritajiet Ċiniżi waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Dan meta l-istess awtoritajiet komunisti sabu ‘kull skuża’ biex jarrestaw lill-ġurnalisti tal-komunità tal-Uighur li kienu qed jirrappurtaw ‘il-politika ta’ ripressjoni għal nieshom’ f’Xinjiang.

Iċ-Ċina ilha tiffaċċja akkużi dwar reati kontra l-umanità u fuq kollox kontra l-Islamiċi u separatisti oħra fir-reġjun partikulari fejn hemm preżenza kbira ta’ Uighur.

Il-grupp Reporters Without Borders qal ukoll li ċ-Ċina qed tuża l-missjonijiet diplomatiċi ‘il hinn minn pajjiżha biex tattakka lill-ġurnalisti, fost il-miżuri biex toħnoq kull tip ta’ media. L-awtoritajiet Ċiniżi huma speċjalment magħrufa għaċ-ċensura ta’ diversi suġġetti – bil-Gvern ta’ Beijing qed jisforza ‘dejjem’ lill-ġurnalisti lokali biex jistudjaw l-ideoloġija tal-Partit Komunista.

Ir-rapport itenni wkoll li ċ-Ċina għandha reputazzjoni bħala pajjiż li jkeċċi lill- ġurnalisti u li jesegwixxi diversi kampanji ta’ intimidazzjoni għall-membri tal-istampa.