Il-Gvern Britanniku qed jintroduċi restrizzjonijiet aktar iebsin bħala sigurtà kontra l-varjant ġdid Afrikan tal-Covid-19 magħruf ukoll bħala Omicron. Il-miżuri jinkludu estensjoni tad-direttiva għall-ilbies tal-maskri ‘skont is-sitwazzjoni’ u li qed tidħol fis-seħħ f’aktar bnadi tal-pajjiż.
Fil-preżent, il-pajjiż qed jintroduċi l-Covid Passes għan-nies biex jidħlu f’numru ta’ ċentri u biex jattendu numru ta’ avvenimenti. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Britanniċi qed isejħu biex in-nies jaħdmu mid-dar bil-għan li jnaqqsu l-firxa tal-Omicron.
Is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Sajid Javid, qal li dawn il-miżuri huma meħtieġa biex ma jaqax piż żejjed fuq is-servizzi tas-saħħa tal-pajjiż ( l-NHS) u li ‘jistgħu ‘jegħrqu taħt ammont inkontrollabbli ta’ infezzjonijiet mill-mewġa ġdida tal-Covid.’
Madankollu, xi deputati tal-Gvern konservattiv huma kontra l-introduzzjoni ta’ dokumenti magħrufa bħala Covid Health Certificates u ma żammewx lura mill-kritika għal dan il-pass.
Minn tmiem il-ġimgħa, il-maskri tal-wiċċ iridu jintlibsu bilfors f’aktar reġjuni tal-Ingilterra u bħala parti mill-miżuri tal-Pjan B tal-Gvern biex irażżan kemm jista’ il-firxa tal-Omicron.
Dan meta l-Britanniċi ilhom l-aħħar ġimgħat kostretti li jilbsu l-maskri fil-ħwienet u waqt li jużaw it-trasport pubbliku – bil-maskri, issa, iridu jintlibsu wkoll fil-knejjes u f’postijiet ta’ divertiment bħat-teatri u s-swali taċ-ċinema. Jista’ ikun hemm l-eżenzjonijiet għal ‘sitwazzjonijiet partikulari’, bil-Gvern jgħid li l-maskri mhumiex se jkunu rikjesti fil-pubs, ir-ristoranti u l-gyms.
Ħafna minn dawn ir-restrizzjonijiet diġà huma effettivi fl-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq.
Fl-Iskozja, il-maskri jridu jintlibsu bilfors fil-ħwienet, postijiet ta’ divertiment u ċentri tat-trasport pubbliku waqt li persuni ta’ ‘il fuq minn 18-il sena jridu jipproduċi l-provi – tip ta’ Covid status – biex jidħlu fin-nightclubs u jattendu avvenimenti tal-massa.
F’Wales ukoll iridu jintlibsu l-maskri fil-parti kbira tal-postijiet pubbliċi li jilqgħu lin-nies fuq ġewwa – għalkemm mhux fil-pubs u r-ristoranti. Intant, jinħtieġ NHS Covid pass għan-nies biex jidħlu fin-nightclubs, is-swali taċ-ċinema, it-teatri u s-swali għall-kunċerti.
L-Irlanda ta’ Fuq, imbagħad, qed tinforza regoli jerġa’ aktar stretti, b’massimu ta’ 30 ruħ minn familji differenti qed ikunu permessi li jiltaqgħu fuq ġewwa f’sitwazzjonijiet domestiċi. Intant, in-nies iridu jilbsu l-maskri bilfors fil-ħwienet, il-postijiet fuq ġewwa fejn il-pubbliku jrid jibqa’ bilqiegħda u speċjalment meta jużaw it-trasport pubbliku. Jinħtieġu wkoll il-Covid passports għal dħul fin-nightclubs, il-bars u s-swali taċ-ċinema.
//= $special ?>