Lokali

Jibdew jinġabru l-firem għall-petizzjoni kontra l-liġi tal-kannabis

Il-pubbliku issa jista’ jiffirma l-petizzjoni lill-Parlament biex jemenda l-abbozz tal-liġi li qed jimbotta l-Gvern biex jillegalizza l-kannabis – petizzjoni li diġa kienet iffirmata minn 56 korp kostitwit, organizzazzjoni u individwi li qed jesiġu tibdil f’dak li qed jipproponi Robert Abela.

Sal-Ħadd 12 ta’ Diċembru li ġej, sa nofsinhar, il-pubbliku issa għandu l-opportunità li jiffirma din il-petizzjoni online mill-website tal-Parlament. Dan f’appell qawwi biex ikunu appoġġjati s-6 emendi li qed jiġu proposti lill-Gvern.

Dan meta l-liġi kif preżentata mill-Partit Laburista, skont it-53 organizzazzjoni u individwi, li magħhom hemm ukoll il-President Emeritus Maria Lousie Coleiro Preca, se tistabbilixxi qafas regolatorju dgħajjef li jirriskja li jħalli impatt negattiv kbir fuq is-soċjetà tagħna, speċjalment fost it-tfal, iż-żgħażagħ u l-aktar vulnerabbli.

Din il-petizzjoni diġa kienet iffirmata mill-Caritas, l-OASI Foundation, l-Assoċjazzjoni ta’ min iħaddem, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija.

Il-petizzjoni ta’ kontra l-liġi tal-Kannabis kien iffirmat ukoll mill-Union tal-Qwiebel u l-Infermiera, Il-Kamra tal-Ispiżjar, il-Gozo Business Chamber, l-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers, l-Asoċjazzjoni tla-Psikjatrija, is-Segretarjat tal-Edukazzjoni Katolika, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja, l-Awtorità tat-Turiżmu f’Għawdex, il-Fondazzjoni Richmond, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti, l-MUBE, il-Malta Girl Guides u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Foster Care.

Il-lista ta’ dawk li iffirmaw biex jappellaw lill-Gvern ma jibqax għaddej gaffa minn fuq kulħadd hija ffurmata wkoll mill-SOS Malta, Dar Merhba Bik, id-Dar tal-Providenza, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija, il-Life Network Foundation u l-Karl Vella Foundation li f’kummenti ma’ Net News saħqu li ffirmaw din il-petizzjoni għaliex tissalvagwardja l-interessi tat-tfal.