Lokali Saħħa

L-Iskandlu tal-Isptarijiet: Min qed jgħid il-verità?

Il-borma tkompli titħawwad. Min jgħid mod u min jgħid ieħor. Hija din is-sitwazzjoni fil-Kabinett tal-Labour meta affaċjati b’domandi dwar id-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet. Deal li llum jaqa’ taħt ir-responsabbilta tal-Ministru Chris Fearne. Rapporti li ħarġu fit-Times tal-Ħadd li għadda jindikaw li l-Kabinett tal-Labour, li ghalih kien jattendi wkoll Robert Abela meta kien konsulent ta’ Joseph Muscat, kien jaf bil-klawsola ta’ €100 miljun li għamel Konrad Mizzi ma’ Steward Healthcare.

Din kienet ukoll konferma illi Konrad Mizzi kien kiseb l-approvazzjoni tal-Kabinett kollu biex iffirma ftehim minn wara dahar il-poplu Malti. Klawsola li tgħid li anke jekk Steward Healthcare joħorġu mid-deal tal-isptarijiet minn jeddhom, aħna rridu nħallsuhom €100 miljun. Illum staqsejna lil Chris Fearne dwar dak li żvelat it-Times u l-Ministru qalilna li hu sar jaf bid-deal tal-100miljun fl-2020.

L-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi kien akkużat li ffirma dan il-ftehim fl-2019 minn wara dahar il-Ministri sħabu. Iżda skont is-Sunday Times, il-minuti tal-Kabinett jindikaw li Mizzi ta deskrizzjoni verbali lil sħabu, u wara talab approvazzjoni għad-deal ta’ €100 miljun. L-approvazzjoni ngħatat waqt l-istess laqgħa tal-Kabinett. Skont il-minuti, il-laqgħa saret fis-27 ta’ Awwissu tal-2019 u l-ftehim kien iffirmat fl-istess ġurnata wara l-istess laqgħa, iżda l-Ministru Fearne, membru tal-istess Kabinett, qed jibqa’ jghid illi sar jaf b’dan id-deal fl-2020.

Bħal Chris Fearne, Robert Abela li kien jiftaħar li kien jattendi għal-laqgħat tal-Kabinett meta Prim Ministru kien Joseph Muscat, fl-aħħar jiem qalilna li sar jaf b’dan id-deal tal-€100 miljun wara li kien iffirmat. Iżda l-aħbar tat-Times, jekk vera, tfisser li Robert Abela u Chris Fearne jew mhux qed jgħidu l-verità, jew inkella njoraw għal kollox dak li kien diskuss fil-Kabinett. Intant, persuna oħra li wkoll ma tridx tagħti wisq dettalji dwar dan il-famuż deal huwa l-Ministru Michael Falzon li dwar dan id-deal tal-100 miljun qed jibqa’ jaħrab milli jikkummenta b’mod dirett.