Sport Sport Ieħor

Numru ta’ pajjiżi b’boycott diplomatiku għall-Olimpjadi tax-Xitwa

L-Awstralja, il-Kanada u r-Renju Unit ingħaqdu mal-Istati Uniti meta ħabbru bojkott diplomatiku għall-Olimpjadi tax-Xitwa ta’ Beijing 2022 bħala protesta kontra allegati abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina.

Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison ikkonferma din il-mossa fejn ebda uffiċjal tal-Gvern mhu se jattendi għal-Logħob fil-kapitali Ċiniża.

Sadanittant, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal fil-Parlament li ma jappoġġjax bojkott sportiv tal-Logħob iżda ammetta li m’hemm l-ebda pjan biex jintbagħatu xi Ministri tal-Gvern f’Beijing 2022.

L-aħbar ħarġet jumejn biss wara li l-Istati Uniti qablu li għandu jkun hemm bojkott diplomatiku minħabba drittijiet kontra l-umanità f’Xinjiang u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kanada wkoll rat ir-relazzjonijiet tagħha maċ-Ċina jiddeterjoraw matul dawn l-aħħar snin u mistenni wkoll li wara dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Justin Trudeau uffiċjali tal-Gvern Kanadiż joqogħdu ‘l bogħod mill-Olimpjadi u l-Paralimpiji tax-Xitwa.

New Zealand qed tingħaqad ukoll mal-bojkott diplomatiku, bid-Deputat Prim Ministru Grant Robertson fejn il-pajjiż kien informa liċ-Ċina f’Ottubru li ħadd mill-Gvern tal-pajjiż ma kien se jattendi għal-Logħob.