Basketball Sport

Rebħa mportanti għal Gżira Athleta

Colin Schembri

Starlites Naxxar 78

Depiro 57

(24-16)(16-18)(20-12)(18-11)

Starlites Naxxar irritornaw għar-rebħ meta fl-ewwel partita tat-tieni round għelbu lil Depiro 78-57 biex għamlu d-double. Starlites irkupraw lil Matthew Scerri li tilef l-aħħar logħba u setgħu finalment jużaw lil Kurt Xuereb wara injury li ħalliethu barra mil-logħob mill-ftuħ tal-istaġun fil-waqt li għal Depiro rritorna Andy Attard. Starlites fetħu l-partita b’żewġ trippli minn Xuereb u Scerri bid-Depiro jwieġbu permezz tal-Amerikani TJ Atwood u Alex Oriakhi. Atwood ukoll kellhu trippla għal Depiro bi Starlites jerġgħu jieħdu l-vantaġġ wara punti ta’ Jacob Bates u Alec Felice Pace. Sa’ tmiem it-taqsima kien hemm aktar three pointers minn Starlites minn Bates u Jamiah Haynes għal skor ta’ 24-16. Depiro naqqsu d-distakk fil-ftuħ tat-tieni sessjoni u wara żewġ trippli fuq kull naħa, huma waslu sa’ 4 punti ‘l bogħod 29-33. Starlites komplew bil-punti ta’ Bates u l-aħwa Felice Pace biex daħlu jistrieħu sitta minn fuq 40-34.

Fit-tielet sessjoni, Starlites bdew bi break qasir ta’ 7-2 fosthom trippla ta’ Miguel Fabri. Atwood u Oriakhi komplew jirrispondu għal Depiro però Starlites għamlu run ta’ 13-3 biex fetħu vantaġġ ta’ 18 –il punt 60-42. L-aħħar punti ġew minn Depiro bil-free-throws ta’ Terrence Reese u Bastian Nel għal skor ta’ 60-46. Fl-aħħar taqsima, Ian Felice Pace fetaħ bi trippla għal Starlites biż-żewġ timijiet ikomplu jwieġbu lil xulxin għal xi ħin. Depiro kellhom trippla ta’ Miguel Brincat però kienu għadhom ‘l bogħod mill-avversarji biex Starlites ħarġu rebbieħa 78-52.

Starlites: A. Felice Pace 9, I. Azzopardi, A. Azzopardi, I. Felice Pace 8, M. Fabri 3, L. Riolo, M. Scerri 6, J. Bates 17, L. Farrugia 2,  K. Xuereb 9, J. Haynes 6, M. Thomas 18.

Depiro: S. Galea, B. Nel 2, A. Attard, N. Grech, S. Vella, TJ Atwood 26, M. Brincat 5, M. Mallia, A. Oriakhi 12, M. Debattista 5, L. Vella, T. Reese 9.

Referees: Bernard Vassallo, Florentina Ciurariu, Ionut Ciurariu

Gżira Athleta 90

Mellieħa Libertas Spalding 86

(18-21)(23-21)(19-18)(30-266)

Gżira Athleta kisbu rebħa ferm importanti kontra Mellieħa Libertas fejn mhux biss pattew għat-telfa tal-ewwel round iżda kisbu rebħa b’distakk akbar li jista’ jkun utli fil-ġlieda għal post fil-play-offs. Din ir-rebħa però għad trid tiġi kkonfermata wara li Mellieħa ressqu protest fi tmiem il-partita fuq dak li huma qiegħdin isejħu bħala żball tekniku. Mellieħa kellhom l-aħjar bidu tal-partita meta marru 15-4 minn fuq wara punti minn Jeremy Joyner u trippla ta’ Nenad Bukva fost l-oħrajn. Ir-risposta tal- Athleta ġiet minn Luca Stefanovic li għamel żewġ trippli flimkien ma’ Zachary Hudson. Joyner u Nik Vasovic reġgħu kabbru l-vantaġġ għal Mellieħa qabel ma Nathan Xuereb għalaq it-taqsima bi trippla għall-Athleta għal skor ta’ 18-21. Il-partita kompliet tkun missielta fit-tieni sessjoni bil-Mellieħa jagħmlu run ta’ 11-4 u jiftħu vantaġġ ta’ 9 punti 33-24 bil-baskets ta’ Vukassin Jandric u trippla ta’ CJ Cordina. Athleta wieġbu bil-punti ta’ Shawn Montague u Stefan Vincic u komplew b’run ta’ 9-0 li rathom jaslu sa’ punt ‘l bogħod 41-42.

Fil-ftuħ tat-tielet taqsima kien hemm punti fuq kull naħa bil-Mellieħa jibqgħu jżommu l-vantaġġ bil-punti ta’ Joyner u Jandric. Tmien punti konsekuttivi minn Xuereb u Hudson finalment poġġew lill Athleta fuq quddiem għall-ewwel darba 54-53. Mellieħa rkupraw u ħadu l-vantaġġ bi trippla oħra ta’ Bukva però eżatt qabel intemmet it-taqsima, basket ta’ Hudson ippareġja l-partita fuq skor ta’ 60-60. Mellieħa reġgħu marru fuq quddiem fil-ftuħ tal-aħħar taqsima wara trippla ta’ Austin Wrighten u punti ta’ Jandric. Athleta kellhom mument deċisiv meta għamlu run ta’ 15-1 bi trippli ta’ Montague u Billy Zammit u fetħu vantaġġ ta’ 11 –il punt 80-69. Mellieħa ma ċedewx u ġew lura bil-grinta ta’ Vasovic u basket ta’ Joyner wassalhom mill-ġdid sa’ basket ‘l bogħod. Xuereb kellhu tlett free-throws biex reġa’ fetaħ vantaġġ ta’ 5 punti għall-Athleta li bi sforz qawwi rnexxielhom jikkontrollawh sat-tmiem biex ħadu rebħa mportantissima fuq skor ta’ 90-86.

Gżira Athleta: Z. Hudson 26, S. Montague 26, L. Stefanovic 8, J. Ellul Dowling, N. Xuereb 14, S. Vincic 4, R. Abela 2, S. Mangianello, B. Zammit 10.

Mellieħa Libertas: M. Falzon, V. Jandric 21, N. Vasovic 18, I. Bonett 1, C. Briffa, N. Bukva 14, J. Joyner 16, M. Azzopardi, CJ Cordina 3, N. Sultana, A. Wrighten 13.

Referees: Bernard Vassallo, Vladimir Nikolic, Ivica Simic.

BUPA Luxol 70

Hibernians 79

(20-14)(8-17)(25-22)(17-26)

Hibs kellhom jistennew sal-aħħar taqsima biex jegħlbu l-isfida qalbien ta’ Luxol u jiksbu l-ħames rebħa tal-kampjonat. Il-players ta’ Duncan Fenech qiegħdin juru progress fil-logħob tagħhom. Għal Hibs irritorna mill-injury David Bugeja u għal Luxol għadu nieqes Stefan Cappello. Luxol fetħu tajjeb u marru fuq quddiem 12-4 wara trippli minn Slavko Opojevlic u Cannan Coffey. Hibs irrispondew bil-punti ta’ Christian Soderholm u Mason Vires flimkien ma’ Keith Dimech però basket ta’ Coffey qabel intemmet is-sessjoni ħalla lil Luxol 20-14 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Luxol fetħu b’basket ta’ Marco Matijevic però sofrew run ta’ 9-0 immedjatament wara li rat lil Hibs imorru fuq quddiem 23-22. Wara risposta minn JP Schembri għal Luxol, kien hemm il-punti ta’ Ivan Demcesen u Vires għall-Pawlisti li daħlu jistrieħu 31-28 minn fuq hekk kif Paul Attard għalaq bi trippla għal Luxol.

Wara l-intervall, Hibs komlew iżidu l-vantaġġ bil-punti ta’ Soderholm u trippla ta’ Luke Farrugia però Luxol ukoll kellhom it-trippli minn Opojevlic u Juan Cefai f’run ta’ 10-2 li rathom inaqqsu d-distakk għal 5 punti 40-45. Luxol komplew jagħfsu u għamlu break ieħor ta’ 9-2 bi trippla oħra ta’ Cefai li rathom jippareġjaw il-partita 51-51. Sa’ tmiem is-sessjoni kien hemm basket fuq kull naħa għal parita ta’ 53-53. Fl-aħħar perjodu t-timijiet baqgħu viċin xulxin u trippla ta’ Coffey fir-raba’ minuta ressqet lil Luxol punt taħt l-avversarji 60-61. Hawn Hibs għamlu run deċisiva ta’ 12-2 b’diversi punti minn Demcesen flimkien ma’ Bugeja u Soderholm u fetħu vantaġġ ta’ 11 –il punt 73-62. Luxol ppruvaw jirkupraw però waslu biss sa’ seba’ punti wara trippla ta’ Coffey biex Soderholm għalaq il-partita favur Hibernians li ħarġu rebbieħa 79-70.

Luxol: J. Cefai 8, N. Buhagiar, P. Attard 7, JP Schembri 3, A. Trapani, L. Trapani, C. Coffey 23, S. Opojevlic 9, M. Matijevic 20.

Hibs: M. Vires 19, N. Cassar, D. Bugeja 11, L. Farrugia 7, K. Dimech 2, A. Axiaq 6, R. Aquilina, M. Attard, C. Soderholm 15, I. Demcesen 19.

Referees: Daniela Torok, Zvezdan Dobrosaviljevic, Iounut Ciurariu

Rebħ għall-ARMS Depiro u Hibernians

Starlites Naxxar 47

Hibernians 62

(16-10)(12-20)(12-16)(7-16)

Hibs kisbu rebħa oħra fil-kampjonat meta għelbu lil Starlites 62-47. Starlites kienu fil-partita għal ħin twil u saħansitra fuq quddiem sat-tielet sessjoni però Hibs kellhom żewġ runs importanti li tawhom ir-rebħa. Kienu Starlites li fetħu l-aħjar meta għamlu l-ewwel tmien punti tal-partita fejn wara basket ta’ Maria Bonett huma komplew bi trippli minn Mikela Riolo u Christina Curmi. L-ewwel risposta ta’ Hibs ġiet minn Kenyotta Jenkins u Ylenia Bonett però Starlites komplew bil-punti ta’ Bonett u Riolo biex temmew l-ewwel sessjoni 16-10 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Riolo għamlet l-ewwel punti ta’ Starlites però hawn Hibs għamlu run ta’ 9-0 li għalquha bi trippla ta’ Ashleigh Van Vliet biex marru għall-ewwel darba minn fuq 19-18. Wara risposta minn Starlites permezz ta’ Bonett u Mariah Fenech, Hibs kellhom run oħra ta’ 11-3 bi trippli ta’ Jasmine Abela biex daħlu jistrieħu 30-28 minn fuq.

Wara l-intervall, Starlites reġgħu ħadu l-vantaġġ wara trippla oħra ta’ Curmi bil-Hibs jirrispondu bil-punti ta’ Sam Brincat. Wara li Samantha Farrugia għamlet l-aħħar punti ta’ Starlites f’dan il-perjodu, Hibs kellhom run ta’ 10-0 kollha minn Jenkins u Van Vliet biex temmew ls-sessjoni 46-40 minn fuq. Fl-aħħar taqsima Hibs kabbru l-vantaġġ għal 12 –il punt wara run ta’ 10-2 u wara li Andie Saliba għamlet trippla għal Starlites, Hibs għalqu l-partita b’sitt punti oħra mingħajr risposta għal skor ta’ 62-47.

Starlites: A. Saliba 7, M. Riolo 10, S. Farrugia 3, M. Bonett 8, K. Portelli, M. Fenech 2, C. Vella, S. Wilke, S. Davies 1, C. Curmi 16.

Hibernians: M. Buhagiar 2, E. Farrugia, Y. Bonett 7, A. Van Vliet 19, S. Brincat 5, J. Abela 9, C. Camilleri, K. Jenkins 20, N. Farrugia, K. Caruana, J. Dabic, J. Borg Cardona.

Referees: Ionut Ciurariu, Nicky Azzopardi, Florentina Ciurariu

ARMS Depiro 58

Caffè Moak Luxol 48

(4-12)(15-7)(17-17)(22-12)

ARMS Depiro telgħu waħedhom fit-tieni post tal-klassifika meta għelbu lil Caffè Moak Luxol 58-48 biex pattew għat-telfa tal-ewwel round. Għal ħin twil kien hemm bilanċ bejn iż-żewġ timijiet peròDepiro ddominaw l-aħħar ħinijiet tal-partita biex ħadu r-rebħa. Luxol fetħu b’run ta’ 7-0 bil-punti ta’ Jennifer Oramas u Mandi Mercieca. L-ewwel risposta ta’ Depiro waslet minn Julia Xerri però Oramas wieġbet bi trippla għal Luxol li temmew l-ewwel taqsima 12-4 minn fuq. Depiro tjiebu fit-tieni taqsima meta fetħu bil-punti ta’ Hannah Johnson u Danika Galea. Wara li Luxol wieġbu bil-punti ta’ Sarah Pace u Oramas, Depiro għamlu disa’ punti oħra mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Johnson flimkien ma’ Nicole Agius biex marru minn fuq iżda qabel intemmet it-taqsima, basket ta’ Oramas għamel l-iskor indaqs 19-19.

Fuq dan l-iskor baxx kompliet it-tielet taqsima b’erba’ punti fuq kull naħa. Luxol imbagħad kellhom seba’ punti mingħajr risposta b’Johnson twaqqfhom bi trippla. Wara punti ta’ Sarah Pace għal Luxol, Depiro wieġbu permezz ta’ Xerri u Agius biex it-taqsima ntemmet mill-ġdid fuq parita ta’ 36 punt kull team. Fl-aħħar sessjoni Agius fetħet bi trippla għal Depiro għalkemm Oramas komplet twieġeb għal Luxol li baqaw fuq quddiem 45-44. Hawn waslet run deċisiva minn Depiro li bdew bi trippla oħra ta’ Agius u komplew b’oħra ta’ Xerri u punti minn Johnson marru 54-45 minn fuq. Luxol ma setgħux jerġgħu jirkupraw biex Depiro ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 58-48.

ARMS Depiro: H. Johnson 27, M. Caruana, Ni. Agius 12, J. Xerri 9, J. Mallia, L. Duncan, C. Ciantar 1,N. Hili, N. Ebejer, N. Borg, D. Galea, A. Mallia.

Caffè Moak Luxol: L. Fenech Pace, S. Pace 12, M. Mercieca 7, N. Vella, H. Galea, S. Vella, A. Borg, P. Ellul, J. Diaby 13, S. Bonfiglio,  A. Fenech Pace, J. Oramas 15.

Referees: Florentina Ciurariu, Nicky Azzopardi, Zvezdan Dobrosaviljevic