Internazzjonali

Renju Unit: Tirranka l-kontroversja dwar il-festini tal-istaff tal-Gvern waqt il-Covid

(Ritratt: EPA)

IR-RENJU UNIT

Il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson jinsab taħt pressjoni kbira meta qed tibda investigazzjoni uffiċjali dwar allegati festini għall-istaff tal-Gvern li kienu saru fl-aħħar tas-sena l-oħra.

L-avvenimenti allegati qanqlu għadab kbir fil-pajjiż meta qed jingħad li dawn kienu saru waqt l-eqqel tal-Covid u meta r-Renju Unit kien taħt lockdown uffiċjali.

L-investigazzjoni, li qed titmexxa mis-Segretarju tal-Kabinett Britanniku, Simon Case, se tikkonċentra fuq tliet avvenimenti li allegatament saru ‘minn taħt’ u meta Boris Johnson għadu jinsisti li l-istaff tal-uffiċċju tiegħu f’10 Downing Street (Londra) aċċertawh li ma saru l-ebda parties b’abbuż tal-liġijiet.

Madankollu l-allegati parties f’Downing Street li qed jingħad li saru fis-27 ta’ Novembru u t-18 ta’ Diċembru spiċċaw mira għal inkjesta partikulari – l-istess bħal allegat festin ieħor li qed jingħad li seħħ fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni fl-10 ta’ Diċembru.

Dan meta qed issir evalwazzjoni bir-reqqa ta’ jekk inkisrux ir-regoli tas-sigurtà stretti relatati għall-Covid.

Intant, Michael Ellis, fir-rwol ta’ Paymaster General, qal li kwalunkwe kriminalità potenzjali li tinstab u li hi relatata maċ-ċirkustanzi se jkunu rappurtati lill-pulizija minnufih.

Il-Pulizija Metropolitana, min-naħa tagħha, kapaċi tieħu azzjoni immedjata fil-konfront tal-persuni (staff) li jkunu kisru l-liġi.

Dan meta l-Oppożizzjoni f’Londra qed issejjaħ għar-riżenja ta’ Boris Johnson f’każ li jinstab li hu ‘ipprova jqarraq bid-deputati fil-House of Commons fir-rigward tal-festini’.

L-investigazzjonijiet qed isiru wara li beda jiċċirkola filmat – meħud fl-aħħar tal-2020 – fejn il-membri tal-istaff tal-Gvern jidhru qed jiċċajtaw dwar party li kien seħħ fit-18 ta’ Diċembru li għadda,

Din id-data kienet waħda ta’ swied il-qalb għall-pajjiż, meta dakinar kienu mietu ‘il fuq minn 400 b’kaġun tal-Covid.

Il-każ diġà jidher li qed iħalli r-riperkussjonijiet drastiċi, b’Allegra Stratton, waħda mill-kelliema ewlenin tal-Gvern, tirriżenja mill-kariga b’konnessjoni mal-filmat ( li nkisb mill-ITV News) u li hi qed tidher fih,

Intant, l-aħħar rapporti qalu li l-Pulizija Metropolitana ċaħdet  diġà għal investigazzjoni dwar l-allegat festin tat-18 ta’ Diċembru f’Downing Street fejn semmew ‘nuqqas ta’ evidenza dwar xi reat kriminali potenzjali’.

Min-naħa tiegħu, Boris Johnson qed ikompli jinsisti li hu fl-ebda ħin ma kellu ħjiel li setgħu kienu qed isiru dawn il-parties. Hu issa talab lil Simon Case ‘biex jistabbilixxi l-fatti kollha dwar il-każ ‘ filwaqt li għamilha ċara li ‘il-persuni li jinstabu li kienu involuti (fil-festini) għandhom jiffaċċjaw azzjoni dixxiplinarja’.