Il-finanzjament tal-fondi Ewropej għat-tranżizzjoni tal-enerġija ta’ Malta qed jinbidel f’logħba perikoluża.
Hekk sostniet il-Kamra tal-Kummerċ b’reazzjoni għall-kontroversja l-ġdida dwar il-proġett tat-tanker tal-gass u l-kumpanija Electrogas. Bil-Kamra tal-Kummerċ tappella għal kawtela ….u biex fi kwistjonijiet relatati mal-provvista tal-enerġija, wieħed iżomm f’moħħu l-interess nazzjonali.
Għalhekk huwa importanti li jinstabu modi kif ikun indirizzat it-tħassib relatat mad-deals eżistenti, indipendentement mill-proġetti proposti li jistgħu jipprovdu aktar għażliet għall-ġenerazzjoni tal-enerġija fil-futur.
Il-Kamra tal-Kummrċ qalet li għall-benefiċċju ta’ pajjiżna u tal-komunità tan-negozju, ħadd m’għandu jipprova jipperikola l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea għat-tranżizzjoni tal-enerġija ta’ Malta.
It-tranżizzjoni ekoloġika, li l-Unjoni Ewropea ….inkluż Malta …..hija impenjata li twettaq, se tirrikjedi li l-pajjiżi joqogħdu attenti ħafna fl-għażliet tal-provvista tal-enerġija. Dan sabiex ikun minimizzat kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija.
Il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li jekk dan ma jsirx, se jħalli impatt negattiv fuq il-kompetittività tan-negozji Ewropej u joħloq inkwiet soċjali.
Irrispettivament mir-rekwiżiti tad-deals eżistenti dwar il-provvista tal-enerġija u l-fuel, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li ma nistgħux nirriskjaw li npoġġu fil-periklu l-provvista tal-enerġija tal-pajjiżna.
U insistiet li f’dan l-istadju Malta jeħtieġ li jkollha t-tieni interconnector sas-sena 2025 filwaqt li tkompli tinvesti f’enerġija rinnovabbli sabiex tilħaq il-miri tagħha ta’ dekarbonizzazzjoni.
//= $special ?>