Nhar il-Ħadd 19 ta’ Diċembru, Heritage Malta se tiftaħ il-bibien ta’ Villa Guardamangia għall-ewwel darba għall-pubbliku ġenerali, li b’hekk se jkollu l-opportunità li jesperjenza fiżikament l-istat kurrenti ta’ dik li qabel kienet dar ta’ familja rjali, qabel jibdew ixxogħlijiet meħtieġa lejn tmiem is-sena d-dieħla.
Dan l-avveniment hu mmirat b’mod partikolari lejn dawk li għandhom tifkiriet jew oġġetti bħal ritratti li b’xi mod huma marbutin mar-residenza tal-Prinċipessa Eliżabetta u l-Prinċep Filippu f’Malta bejn l-1949 u l-1951, u mar-rabta tagħhom ma’ Malta minn dak iż-żmien ’l hawn. Dawn il-memorji jew oġġetti se jiġu rrekordjati jew skennjati biex mażżmien ikunu parti mill-interpretazzjoni tal-binja u jinqasmu wkoll mal-pubbliku.
Mibnija għall-ħabta ta’ nofs is-seklu 18, Villa Guardamangia kienet diġà ġawhra nazzjonali minnha nfisha iżda l-valur tagħha kompla joktor minħabba r-rabta mal-familja rjali Ingliża, wara li serviet bħala r-residenza tal-Prinċipessa Eliżabetta u żewġha, ilPrinċep Filippu, meta huwa kien stazzjonat f’Malta bħala uffiċjal tal-Qawwa Navali Rjali mill-1949 sal-1951.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, Villa Guardamangia baqgħet tokkupa post speċjali f’qal b ilMaestà Tagħha r-Reġina tal-Ingilterra, li spiss irreferiet għaliha bħala ‘id-dar’. Villa Guardamangia hi l-unika proprjetà lil hinn mill-Gran Brittanja fejn għexet il-familja rjali. Il-villa tkopri medda ta’ madwar 1,500 metru kwadru u tinkludi 18-il kamra, stalel, ġnien kbir, bjar, xelter/bunker tal-gwerra, u faċilitajiet oħra. Persuna magħrufa oħra li għexet f’Villa Guardamangia kien Lord Louis Mountbatten, iz-ziju tal-Prinċep Filippu, li aktar tard kien il-Kap Kmandant tal-Flotta Ingliża fil-Mediterran, ibbażata f’Malta, mill-1952 sal-1954.
Dakinhar li l-villa se tinfetaħ għall-pubbliku se jsiru tours gwidati matul il-ġurnata kollha, fejn min jasal l-ewwel jinqeda l-ewwel. Il-villa, li mhix aċċessibbli għall-wheelchairs,tkun miftuħa mill-10:00 sal-16:00. Min għandu xi storja, ritratt antik, filmat jew kwalunkwe ħaġa oħra li jixtieq jaqsam dwar Villa Guardamangia jew ir-rabta tal-familja rjali ma’ Malta, għandu jibgħat email lil communications@heritagemalta.org jew iċempel fuq 22954301.

